- Il-ftehim se jkun ippubbikat fil-Parlament
Il-ftehim bejn il-Gvern Malti u l-Vitals Global Healthcare, li se jassigura €210 miljun investiment fil-qasam tas-saħħa bi sħubija bejn il-Gvern u l-privat, kien iffirmat fl-aħħar xhur fi stadji differenti.
Dan wara sensiela ta’ negozjati bejn il-gvern Malti, rappreżentat minn Projects Malta, l-awtoritajiet tas-saħħa u l-konsorzju privat.
Il-ftehim dwar il-konċessjoni ta’ servizz kien iffirmat f’Novembru li għadda, filwaqt dak dwar il-proprjetà kien iffirmat f’Marzu.
Biex hekk fl-aħħar ġimgħat kienet għaddejja d-diskussjoni dwar kif se jiżviluppa l-proġett u kif se ssir it-tranżizzjoni biex Vitals Global Healthcare tibda tamministra l-binjiet ta’ l-isptar San Luqa, Karin Grech u l-isptar Ġenerali ta’ Għawdex.
Bħalissa qed ikunu ffinalizzati wkoll id-disinji u fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin mistennija jibqgħu jinksibu iktar permessi mill-awtorità tal-ippjanar. Fil-każ ta’ Għawdex beda wkoll xogħol fuq il-pedamenti tal-isptar bil-permessi għal dan inkisbu fl-aħħar ġimgħat.
Intant, kelliem għall-Ministeru tas-Saħħa ikkonfermat kif kull ftehim se jitressaq fil-Parlament. Vitals Global Healthcare intgħażlu wara proċess kompettitiv.
Filwaqt li se jkun iffinalizzat ftehim ma’ Harvard li permezz tiegħu se jkunu qed jingħataw pariri lill-management tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex.
Dawn il-pariri se jkunu qed jingħataw kemm f’dak li għandu x’jaqsam mal-imaniġġjar tal-isptar, it-taħriġ tal-ħaddiema u anke l-użu tal-apparat mediku. Dan kollu se jkun qed jikkontribwixxi lejn sptar li jkun aqwa minn Mater Dei, hekk kif l-għan ta’ dan il-ftehim huwa li Għawdex ikun rikonoxxut bħala wieħed mill-aqwa sptarijiet fid-dinja bl-aqwa standards.