F’laqgħa mal-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat, is-Segretarju Parlamentari għall-Għaqdiet Volontarji Clifton Grima b’sodisfazzjon ħa nota tar-rakkomandazzjonijiet tal-istess Kunsill dwar l-avviż legali li jirregola l-qasam tal-volontarjat.
Dan hekk kif il-Kunsill għas-Settur tal-Volontarjat ikkonsulta ma’ mijiet ta’ għaqdiet volontarji reġistrati u mal-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-għaqdiet Volontarji, dwar il-liġi li tirregola dan il-qasam.
Is-Segretarjat Parlamentari qal li dawn ir-rakkomandazzjonijiet se jgħinu biex titwitta t-triq ‘il quddiem u jkompli jissaħħaħ is-settur tal-volontarjat.
Clifton Grima aċċenna li se jkun qed jindirizza t-tħassib tal-istess għaqdiet volontarji.
Huwa spjega, li fl-aħħar żminijiet, kien hemm investiment dirett bla preċedent fil-qasam, liema investiment jiġi amministrat b’mod indipendenti mill-istess Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat.
Saħaq li t-tfassil tal-avviż legali kien u għadu bl-intenzjoni li jsaħħaħ it-trasparenza fis-settur volontarju.