B’referenza għall-komunikat mill-Union tal-Infermiera u l-Qwiebel, il-gvern jiċħad li nkisru r-regoli biċ-ċirkolari li ntbagħtet lill-uffiċjali pubbliċi b’konsultazzjoni sħiħa mas-Supretendent għas-Saħħa Pubblika u skont l-istruzzjonijiet ċari maħruġa mill-awtoritajiet tas-saħħa.
Mhux minnu lanqas li l-impjegati pubbliċi jridu jieħdu leave ta’ kwarantina mill-vacation leave tagħhom.
Il-gvern jerġa’ jagħmilha ċara li qed jieħu s-sitwazzjoni tat-tixrid tal-Coronavirus b’mod serju ħafna u diġà ħa miżuri intensivi ta’ preparazzjoni u ta’ kontroll. Bħala parti mill-miżuri, persuni li ġejjin minn żoni affettwati qed jintalbu joqogħdu kwarantina għal 14-il ġurnata.
F’sitwazzjonijiet simili, il-Manwal dwar Leave Speċjali fil-Kodiċi dwar l-Immaniġġjar tas-Servizz Pubbliku jipprovdi għall-għoti ta’ leave ta’ kwarantina. Uffiċjali pubbliċi li huma preklużi mis-Supretendent għas-Saħħa Pubblika milli jattendu għad-dmirijiet tagħhom, għandhom leave speċjali bi ħlas li jkopri l-perjodu ta’ din l-assenza.
Hi responsabbiltà tal-individwi li qed jirritornaw miż-żoni affettwati li jassiguraw li jibqgħu fi kwarantina kif mitlub mill-awtoritajiet tas-saħħa.
Il-pubbliku ġenerali se jibqa’ jinżamm infurmat bit-tħejjijiet kollha permezz ta’ sessjonijiet ta’ informazzjoni mal-ġurnalisti u interventi fuq il-mezzi tax-xandir b’mod regolari.