Il-Kumitat għall-Abbozzi tal-liġijiet kompla jiddiskuti fi stadju tat-tielet qari l-emendi għal-liġi li għandha ġġib l-ugwaljanza fiż-żwieġ.
L-andament tal-laqgħa fi stadju ta’ kumitat segwa dak tal-ewwel parti tul il-jum tal-Ħamis fejn l-Oppożizzjoni baqgħet tagħmel emendi li jmorru kontra l-ispirtu tal-liġi ta’ lingwaġġ newtrali bin-naħa tal-gvern, partikolarment il-Ministru Helena Dalli, tfakkar li din hi liġi maħsuba biex iġġib l-ugwaljanza u mhux maħsuba biex ikun hemm l-għażliet bħal li kieku wieħed qieggħed f’xi supermarket.
Fost oħrajn kien il-membru parlamentari nazzjonalista Edwin Vassallo issuġġerixxa li l-formoli tradizzjonali jinżammu flimkien ma’ dawk li hemm suġġeriti fl-abbozz u mhux jiġu sostitwiti. U għal dan sab l-appoġġ tal-membri l-oħra tal-Oppożizzjoni, fosthom David Agius u Jason Azzopardi.
Il-Ministru Dalli mill-ewwel stqarret dan ikun qed joqtol l-għan tal-liġi.
Edwin Vassallo qal li ma hemmx għażla, allura hemm impożizzjoni u minflok ’l quddiem sejrin pass lura. Il-Ministru Helena Dalli wieġbet li ikunu qed imorru pass lura jekk wieħed iqis l-ugwaljanza bħala impożizzjoni.
B’hekk dawn l-emendi kienu miċħuda b’vot fil-kumitat, filwaqt li kienu diskussi u ntlaqgħu suġġerimenti fejn dawn kienu biex titjieb il-liġi b’mod tekniku iżda ma jinbidilx l-ispirtu tagħha.
Il-kumitat se jerġa’ jiltaqa’nhar it-Tnejn fit-tmienja ta’ filgħaxija biex ikompli d-diskussjoni klawsola klawsola.