Filwaqt li jissimpattiza mal-karba tal-bdiewa quddiem l-isfidi reali u sostanzjali li l-bdiewa fl-Ewropa ffaċċjaw f’dawn l-aħħar snin, il-Gvern se jibqa’ jkun ta’ spalla għall-bdiewa Maltin u Għawdxin.
Dan kien il-messaġġ ewlieni li ħareġ minn stqarrija maħruġa mill-Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali b’risposta għall-istqarrija tal-kelliem tal-Oppożizzjoni. Fil-fatt, il-Ministeru nnota b’ħasra kif minflok kontribuzzjoni għas-settur, il-kelliem tal-Oppożizzjoni rewwaħ gidba fil-konfront tal-Ministeru.
L-istqarrija tgħid lill-Gvern ħa nota tal-fatt li l-protesti tal-bdiewa u raħħala Maltin huma immirati primarjament lejn il-Parlament Ewropew u istituzzjonijiet Ewropej li huma maqtugħa kompletament mir-realtajiet li jgħixu huma.
Hawn il-Ministeru innota kif għall-kuntrarju ta’ dan, il-Gvern ta’ Malta dejjem kien viċin is-settur, b’riformi kuraġġużi u importanti bħal dik tal-qbiela. Riforma oħra li saret biex tagħti ċertezza lis-settur u s-sostenibbiltà tiegħu għas-snin li ġejjin.
Sarret referenza wkoll għall-għajnuniet kontinwi u appoġġ li ngħataw il-bdiewa u raħħala fis-snin li għaddew.
Il-Ministeru spjega li l-Gvern ma qgħadx lura lanqas mill-għajnuniet biex jkun hemm irkupru b’saħħtu mill-effetti tal-pandemija, b’għotjiet b’saħħithom lill-bdiewa u lir-raħħala tal-bhejjem. Fil-fatt, biex jittaffa l-impatt tal-gwerra tal-Ukrajna, il-Gvern iddedika miljuni ta’ ewro wkoll f’għajnuniet lir-raħħala tal-ħalib, skemi tal-fertilizzant u hemm ukoll il-fodder scheme.
Il-Ministeru għall-Agrikoltura qal li hemm diversi inizjattivi fosthom l-appoġġ għad-dħul tal-bdiewa tela’ minn €30 għal kull tomna għal €84, b’nefqa totali ta’ madwar €15-il miljun. Il-Ministeru irrimarka ukoll li għall-bdiewa żgħażagħ, hemm inċentiv ta’ €60 għal kull tomna raba li jaħdmu.
Filwaqt li ġew elenkati numru ta’ inizjattivi oħrajn li jolqtu b’mod pożittiv dan is-settur l-istqarrija temmet tgħid li l-Gvern kien bil-provi ta’ spalla għas-settur meta dan kien fil-bżonn.