Il-ftehim strateġiku bejn l-Airmalta u l-Alitalia mhux finali u jekk il-Gvern isib alternattivi aħjar fl-interess ta’ pajjiżna ixolji d-diskussjonijiet.
F’laqgħa mal-MHRA, li esprimew it-tħassib tagħhom li s-sena d-dieħla l-Airmalta mhux se tkun l-operatur li twassal l-akbar ammont ta’ passiġġieri f’pajjiżna, il-Prim Ministru saħaq li pajjiżna se jqabbel fejn jaqbillu.
Il-Gvern se jkompli jesplora kull alternattiva biex l-Airmalta tirijabilita ruħha fit-tul u mhux tibqa’ teżisti bi pjanijiet minn sena għal sena. Mhux qed ikun eskluż l-investiment lokali jew minn sorsi barranin oħra iżda esprima li huwa essenzjali li l-Airmalta tissieħeb ma’ sieħeb strateġiku barrani, biex tingħata aċċess għal sistemi u riżorsi li qed jintużaw fis-suq internazzjonali u li ma jistgħux joffru investituri lokali.
Il-Prim Ministru stqarr li din mhijiex kwistjoni ta’ flus biss iżda li l-Airmalta għandha bżonn aktar konnetivitá, tmexxija speċjalizzata fis-suq kompetitiv internazzjonali u benefiċċji oħra li jiġu biss minn operazzjonijiet ta’ skala kbira.