Il-Prim Ministru żar id-dar tal-anzjani The Imperial f’Tas-Sliema, li saret b’investiment ta’ €30 miljun. Din id-Dar tħaddem magħha mal-250 ħaddiem u toffri standards għoljin u kura ġenwina għall-anzjani.
Fiż-żjara tiegħu, il-Prim Ministru seta’ jinnota s-servizzi li jingħataw f’din id-dar, fosthom pixxina, gym, swali, kamra tal-attivitajiet, u librerija, fost oħrajn, biex jaqdu l-ħtiġijiet tar-residenti li jibqgħu jħossuhom parti minn komunità
Dr Abela rringrazzja lit-tmexxija ta’ din id-dar tal-anzjani u saħaq li l-Gvern se jibqa’ jappoġġja dan it-tip ta’ investiment, li jżomm anki l-ogħla standards fid-djar tal-anzjani.
Il-Prim Ministru rrimarka li din id-dar qed tindirizza wkoll ħtiġijiet speċifiċi għall-anzjani. B’mija sitta u sebgħin (176) kamra, id-Dar għandha taqsima għall-persuni bid-dimensja, li wkoll qed jingħataw servizz dinjituż li bih jibqa’ jkollhom kwalità ta’ ħajja aħjar.
Huwa sostna wkoll fuq l-importanza tal-anzjanità attiva, mhux biss fost l-anzjani li jgħixu fl-ibliet u l-irħula iżda anki fost dawk residenti fi djar tal-anzjani.
Iċ-Chairman tal-kumpanija li tmexxi d-dar, St George’s Care Ltd, Edward Vella, irringrazzja lill-Prim Ministru għaż-żjara tiegħu u rrimarka li l-kumpanija tistinka biex tagħti l-aqwa kura, imħabba, u kwalitààta’ ħajja lir-residenti. Qal li hu ta’ sodisfazzjon kbir għat-tmexxija tad-dar li jaraw lir-residenti kuntenti jgħixu l-ħajja fil-milja tagħha.
Jakkumpanja lill-Prim Ministru tul iż-żjara f’The Imperial kien hemm il-Ministru għall-Anzjanità Attiva, Jo Etienne Abela.