Il-Gvern se jibqa’ impenjat fil-ħidma tiegħu f’diversi oqsma permezz tad-deċiżjonijiet u t-twettiq tal-bidliet meħtieġa.
Dan kien il-messaġġ ewlieni li għadda l-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, Robert Abela, f’kollegament telefoniku fuq il-programm Paperscan.
Meta tkellem dwar il-ħidma tal-Gvern fl-eqqel tas-sajf, il-Prim Ministru sostna kif din kompliet tintensifika f’dan iż-żmien anki permezz ta’ aktar investiment fejn tidħol l-indafa pubblika.
“Ħadna dik id-deċiżjoni li niffukaw ħafna fuq il-kwistjoni taż-żamma tal-indafa pubblika. Infatti din il-ġimgħa propju bdejnieha b’aktar investiment f’apparat tat-tindif u hemmhekk għamilna għażla wkoll illi ninvestu f’apparat tat-tindif li huwa mgħammar bl-aqwa u bl-aħjar teknoloġija fosthom dik li tippermetti monitoraġġ f’ħinijiet reali fit-toroq u fil-postijiet pubbliċi tagħna.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar iż-żamma tal-ordni, li bħall-indafa pubblika, hija fiċ-ċentru tal-ħidma tal-Gvern.
Hawnhekk fakkar fl-infurzar fejn jidħlu l-imwejjed u s-siġġijiet tal-istabbilimenti tal-ikel u tenna l-importanza tar-rispett fost il-komunità. Huwa semma wkoll xogħlijiet ta’ restawr u investimenti fis-saħħa li komplew madwar il-pajjiż.
B’rabta mal-infurzar, Dr Abela sellem il-ħidma li wettaq il-Korp tal-Pulizija matul din il-ġimgħa b’rabta mat-traffikar uman.
“U hemmhekk rajna l-forzi tal-ordni tagħna jaġixxu bis-saħħa biex jipprevjenu u jaqbdu dak li s-soċjetà tagħna ma tridx dawn huma atti kodardi li jbaxxu d-dinjità tal-bniedem u huwa tajjeb ħafna li l-forzi tal-ordni, il-Korp tal-Pulizija ħadem b’mod metikoluż biex l-allegati aggressuri li kienu qed jabbużaw mill-bnedmin għal skopijiet ta’ prostituzzjoni inqabdu u ġew prosegwiti wkoll.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar il-ġimgħat li ġejjin għall-Partit Laburista biex jibqa’ jiġġedded.
Dr Abela ddeskriva l-ġejjieni bħala importanti biex il-Partit Laburista jibqa’ jwieġeb b’ħidma u b’umiltà b’mod partikolari fid-dawl tal-aħħar żewġ riżultati elettorali.
Kompla jinnota kif fil-Partit Laburista hemm l-entużjażmu, u semma l-attiviżmu matul il-kampanja elettorali iżda anki matul il-Konferenza Ġenerali Straordinarja fejn twessgħet l-eleġibbiltà għall-karigi importanti fi ħdan il-Partit.
“Dawn id-deċiżjonijiet issa jeħduna lejn id-deċiżjoni tant importanti li se tkun qed tittieħed f’nofs Settembru fejn naraw dan il-proċess ta’ ħatriet f’karigi ewlenin tal-Partit Laburista biex inkomplu nibnu fuq dak il-ħafna tajjeb illi għamilna f’dawn l-aħħar snin.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Dr Abela rringrazzja lil Randolph Debattista għall-ħidma tiegħu u feraħ lil Leonid McKay għax-xogħol li se jagħmel bħala Kap Eżekuttiv tal-Partit.
Il-Prim Ministru tenna kif il-prinċipju tas-sewwa għandu jibqa’ jixrpuna l-ħidma tal-Partit Laburista li tkun riflessa f’dak li jagħmel il-Gvern.
“Nibqgħu Partit li jkun miftuħ għal kulħadd, appellabbli għal kulħadd u kif tkun appellabbli għal kulħadd billi dejjem tiddeċiedi favur dak li hu sewwa hu x’inhu s-suġġett, hi x’inhi t-tema. Illum missejt numru ta’ temi, kollha kemm huma għandhom prinċipju komuni bejniethom, is-sewwa.”
Il-Prim Ministru Robert Abela