- Test ieħor għall-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil
F’konferenza tal-aħbarijiet fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista l-Ħamrun indirizzata mill-Ministru Owen Bonnici u s-Segretarju Parlamentari Deborah Schembri ntqal kif fl-aħħar żewġ rapporti li nħarġu dwar il-propjetajiet li nxtraw mill-Gvern Nazzjonalista fit-Triq ir-Repubblika l-Belt mingħand l-HSBC u l-għoti ta’ art valutata €8miljuni għal €700,000 lill-benefattur tal-PN f’Ħal Qormi, l-Awditur Ġenerali qed jgħid li Jason Azzopardi għandu jerfa’ r-responsabiltà.
Il-Ministru Bonnici fakkar kif l-eks-Ministru Nazzjonalista diġa’ kellu kundanna oħra mill-Awditur Ġenerali fuq propjetajiet li ngħataw lejliet l-aħħar elezzjoni ġenerali fosthom fid-distrett tiegħu stess, kundana li kisret xi awtorità morali li seta’ kellu. B’dawn iż-żewġ kundani tal-bieraħ, stqarr Dr Bonnici, komplew niezlu l-affarijiet aktar ‘l isfel għal Jason Azzopardi li m’għandu l-ebda kredibiltà li jitkellem fuq ħaddieħor.
Il-Ministru tal-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali tkellem fuq kif Azzopardi huwa x-Shadow Minister tal-Ġustizzja iżda l-ġustizzja lanqas jaf fejn toqgħod filwaqt li għamel referenza għar-reazzjoni li kellu lbieraħ wara dawn ir-rapporti, reazzjoni mhux ta’ xi ħadd li ħa ċamata u kundana bħal dik. Owen Bonnici sostna li Azzopardi huwa mbuttat ħafna mill-Partit Nazzjonalista, tarah jitkellem u jippontifika fuq it-televiżjoni u mhuwiex wieħed minn dawk li sparixxew.
L-inqas ħaġa li għandu jagħmel Jason Azzopardi li jpaċpaċ biss fuq ħaddieħor huwa li jobdi dak li qed jgħidlu jagħmel l-Awditur Ġenerali u jerfa’ r-responsabiltà saħaq Dr Bonnici.
L-ikbar test għall-Kap tal-Oppożizzjoni
Min-naħa tagħha s-Segretarju Parlamentari Deborah Schembri staqsiet x’se jkun qed jagħmel il-Kap tal-Oppożizzjoni issa. Dan huwa l-ikbar test li għandu quddiemu Simon Busuttil fejn hawnhekk l-Awditur Ġenerali mhux sempliċiment alluda għal xi ħaġa iżda qed jgħid bl-aktar mod ċar li Azzopardi għandu jġorr ir-responsabiltà, spjegat Dr Schembri.
Deborah Schembri fakkret kif Simon Busuttil diġa’ kellu każijiet oħrajn li fihom stenna u stenna biss mingħajr m’għamel xejn filwaqt li saħqet kif politiku serju ma jitkellimx biss nhar ta’ Ħadd b’ħafna kliem bħal politika onesta u trasparenza, iżda jitkejjel mill-azzjonijiet li jieħu wara rapporti bħal dawn.
Kliem iebes tal-Awditur f’żewġ rapport
Is-Segretarju Parlamentari għall-Ippjanar u s-Simplifikazzjoni tal-Proċessi Amministrattivi kkwotat diversi versi mir-rapporti tal-Awditur Ġenerali fejn fil-każ tax-xiri tal-propjetà fil-Belt Valletta, l-Awditur saħaq li l-proċess kellu jkun aktar miftuħ u semma kif kien hemm indħil politiku dirett. Dr Schembri spjegat ukoll kif ir-rapport jikkonferma kif Jason Azzopardi mar kontra l-parir tas-Segretarju Permanenti.
Dwar il-każ tas-sit tal-eks-fabbrika tal-Lowenbrau, l-art magħrufa bħala tal-Istabal, is-Segretarju Parlamentari ssottolinjat kif l-Awditur spjega kif Jason Azzoaprdi kien jaf bil-valur tal-art mizeru li l-art kienet se titlaq, art stmata €8miljuni li marret għal €700,000, art li kienet kollha żviluppabli u li suppost kellha sservi ta’ birrerija. F’dan ir-rapport l-Awditur Ġenerali jgħid li Jason Azzopardi għandu jerfa’ r-responsabbiltà, temmet tgħid Deborah Schembri.