Bi tħabbira għal proġett ta’ Metro f’Malta li saret minn esperti barranin flimkien ma’ Transport Malta, il-Gvern beda proċess ta’ diskussjoni fuq trasport tal-massa f’pajjiżna.
Fit-tħabbira ta’ din il-proposta li għaliha hemm preżenti l-Prim Ministru Robert Abela ntqal kif il-proposta tinkludi 25 stazzjon fiz-żona li l-iktar isir użu mis-sistema nazzjonali ta’ Trasport. Dan permezz ta’ tliet linji tal-Metro.
Il-Prim Ministru Robert Abela stqarr kif dan il-Gvern kontinwament qed jistaqsi x’pajjiż irridu nħallu lil uliedna. Qal li din id-diskussjoni hija wkoll f’din id-direzzjoni. Stqarr li l-bżonn li pajjiżna jmur għal proġett kbir tal-massa ilu jissemma. Stqarr li deher ċar li kien hemm bżonn aktar studji u allura l-Gvern fetaħ il-bieb kompletament għall-ideat. Stqarr kif l-istudju li sar issa ser iservi ta’ bażi solida ta’ x’jista’ u ma jistax jagħmel sens għal pajjiżna. Stqarr kif issa d-dimensjoni tad-diskussjoni ser tinbidel hekk kif ser tkun waħda realistika u infurmata. Huwa stqarr kif dan huwa proġett li ser jsir fuq medda ta’ erba’ leġislaturi. Stqarr kif filwaqt li hemm min jgħid li dan hu proġett impossibbli, stqarr kif id-diskussjoni dwar dan il-proġett għandha ssir lil hinn mill-partiġġjanizmu.
Il-Ministru għat-trasport, Ian Borg stqarr kif wara proċess professjonali din il-proposta issa qed titpoġġa quddiem in-nies sabiex issir diskussjoni mill-pubbliku. Stqarr kif huwa konvint li issa żgur li l-pubbliku u esperti lokali ser ikunu qed jikkontribwixxu. Huwa spjega kif il-popolazzjoni u l-attività kbira li għandu pajjiżna għad-daqs tiegħu huma sfida li permezz ta’ proġett bħal dan ukoll tista’ tinbidel f’opportunità. Stqarr kif din hija evidenza wkoll li dan il-Gvern ma jħarisx biss minn elezzjoni sa oħra iżda għandu pjan iżjed fit-tul għal ġenerazzjonijiet sħaħ. Il-Ministru Ian Borg stqarr kif minn ħames snin ilu bdew jiġu ndirizzati l-isfidi kbar li bdew jinħassu fit-trasport madwar pajjiżna iżda issa kien wasal iż-żmien li pajjiżna jħares lejn soluzzjonijiet fit-tul.
L-Espert barrani Donal Mcdade mill-kumpanija Arup li għandha esperjenza kbira fil-qasam, ta preżentazzjoni dwar din il-proposta. Huwa spjega kif għal pajjiżna sistema ta’ trasport tal-massa ta’ dan it-tip hija l-aħjar soluzzjoni kemm għal problemi tat-traffiku, kif ukoll fit-tnaqqis tal-emissjonijiet u allura żżid is-sostenibbilità tal-pajjiż.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Transport Malta Joseph Bugeja stqarr kif dan il-proċess ra t-tfassil ta’ proposta ta’ transport tal-massa sostennibbli u li jwieġeb għad-domanda tal-pubbliku. Stqarr kif l-esperti barranin qed jipproponu li jintużaw light rail metros li l-parti l-kbira tagħhom tkun kollha taħt l-art. Stqarr kif is-sistema proposta hija simili ħafna ta’ sistemi ta’ trasport tal-massa oħrajn f’ibliet b’daqs simili ta’ pajjiżna.