Wara ħafna snin, il-ħolma tal-klabb ta’ Ħal Kirkop tista’ ssir realtà permezz ta’ ftehim li ġie ffirmat bejn Sport Malta u l-klabb tal-Futbol ta’ Ħal Kirkop.
Permezz ta’ dan il-ftehim, il-Gvern trasferixxa l-art li fuqu jinsab il-grawnd u l-faċilitajiet tal-klabb, lill-klabb innifsu.
Permezz ta’ dan il-ftehim, il-klabb issa se jkollu bażi iżjed soda u b’hekk se jkun jista’ jimraħ iżjed u jippanja għall-futur.
Il-President tal-Klabb ta’ Ħal Kirkop, Joseph Farrugia qal li b’dan il-ftehim se jkunu jistgħu jsiru żviluppi fil-klabb u b’hekk ikompli jikber il-ġid fil-komunità.
Il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja, Julia Farrugia Portelli qalet li l-kwalità tal-ħajja taż-żgħażagħ tar-raħal hija importanti u l-isport huwa l-ikbar għodda f’dan ir-rigward.
Hija qalet, “It-trasferiment tal-art b’ċens ta’ numru ta’ faċilitajiet sportivi propju f’Ħal Kirkop se jkun qiegħed jissiġilla dan l-impenn f’isem il-Gvern Malti.”
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari għall-Isport, Clifton Grima qal li l-Gvern irid irawwem u jkompli jsaħħaħ il-kultura sportiva.
Huwa sostna: “Aħna qegħdin naraw li jkun hemm investiment bla preċedent li huwa l-livell tal-atleti tagħna kif ukoll f’dik li hija l-infrastruttura sportiva rridu naraw li ngħinu lill-għaqdiet sportivi tagħna sabiex ikunu jistgħu propju jippjanaw għall-futur.”
Iċ-Chairman ta’ Sport Malta Luciano Busuttil stqarr li l-organizzazzjoni dejjem ħa tkun ta’ spalla għal kull faċilità sportiva u klabb sportiv sabiex l-qasam sportiv ikompli jikber.