Għal darb’oħra l-Gvern qed iservi ta’ spalla biex iżomm stabbli l-prezzijiet tad-dqiq, ġwież u ċereali li jiġu importati f’pajjiżna biex itaffi d-daqqa tal-għoli tal-ħajja fuq il-konsumatur lokali daqskemm il-bdiewa u r-raħħala lokali.
Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet, bit-tema ‘Malta Ġusta’, fejn ġie imnedi l-investiment ġdid ta’ €12-il miljun f’sussidji għall-importaturi taċ-ċereali u d-dqiq biex tittaffa ż-żieda fl-ispejjeż, kawża tal-impatt li ħalliet warajha l-gwerra fl-Ukrajna u l-pandemija.
B’dan l-investiment reġgħet infetħet l-iskema temporanja li, biha, il-Gvern qed jaċċerta li jibqa’ stabbli l-prezz tal-ħobż, id-dqiq u anke l-ġwież għall-annimali.
Il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali, Anton Refalo, spjega kif dan is-sussidju ilu jingħata mis-sena li għaddiet, wara li l-invażjoni Russa fl-Ukrajna laqtet ħażin is-sigurtà tal-ikel globalment. Dan għax ir-reġjuni tal-Ukrajna u r-Russja huma fost l-aktar żoni importanti fid-dinja għall-provvista ta’ qmuħ u prodotti agrikoli.
Kaġun ta’ dan il-kunflitt, flimkien mas-sentejn ta’ pandemija, ħolqu instabbiltà, żieda fil-prezzijiet, u tfixkil fil-katina ta’ provvista f’ħafna pajjiżi, inkluża Malta.
“Aħna rridu li dan is-settur jibqa’ reżiljenti. Għadda minn ħafna mewġ, però l-Gvern konxju li jrid jimxi spalla ma’ spalla mal-bdiewa, ir-raħħala tagħna u mas-sajjieda tagħna, b’hekk għal darb’oħra, għas-sena d-dieħla, se noħorġu s-somma ta’ €12-il miljun fil-price stabilisation scheme biex tagħmel tajjeb għad-differenza fil-prezz tal-qamħ, ċereali u l-ikel għall-annimali.”