Il-Malta Enterprise fetħet mill-ġdid l-iskema t’għajnuna għal investimenti żgħar, imsejħa Micro Invest, wara li l-Kummissjoni Ewropea estendiet il-massimu permessibbli ta’ għajnuna statali fuq perjodu ta’ tliet snin għal massimu ta’ tliet mitt elf ewro (€300,000).
Waqt li enfasizza li l-istadji inizjali ta’ negozju ġdid huma dejjem l-aktar ta’ sfida, il-Ministru responsabbli Silvio Schembri qal li, permezz tal-entitajiet tiegħu, il-pajjiż għandu ekosistema b’saħħitha biex jipprovdi assistenza u inċentivi fiskali għal tali negozji.
Din il-ġimgħa wkoll, permezz tal-MIMCOL, il-Ministeru introduċa kunċett ġdid, il-Venture Capital Fund, li jgħin lil start-ups lokali inklinati lejn l-innovazzjoni.
L-iskema Microinvest tħeġġeġ lin-negozji ż-żgħar biex jinvestu fl-innovazzjoni, l-espansjoni u l-iżvilupp tal-operazzjonijiet tagħhom.
Il-Ministeru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u l-Proġetti Strateġiċi ħabbar li l-applikazzjonijiet għall-iskema jistgħu jiġu sottomessi permezz tas-sit uffiċjali tal-istess entità tal-Gvern.