Ir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma, ir-REWS, flimkien mal-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir niedew mill-ġdid sett ta’ skemi u inizjattivi biex iħeġġu aktar familji u negozji jinvestu f’sistemi ta’ enerġija rinnovabbli.
L-inizjattiva tal-Feed-in Tariff għad-djar u n-negozji, flimkien mal-għotja fuq s-Sistemi ta’ Enerġija Rinovabbli għad-djar se jiġu estiżi għal sena oħra, b’applikazzjonijiet li diġà bdew jintlaqgħu.
Ir-regolatur nieda wkoll erba’ sejħiet ġodda għal investimenti f’sistemi ta’ enerġija rinnovabbli minn 40kW sa 1,000kW, waqt li sejħa oħra għal sistemi akbar minn hekk mistennija titħabbar dalwaqt.
Il-Ministru responsabbli Miriam Dalli laqgħet din is-sejħa tant importanti favur enerġija nadifa u sostniet li, permezz ta’ dawn l-inċentivi, il-Gvern qed jerġa’ jagħti s-setgħa lill-komunitajiet biex iħaddnu t-tranżizzjoni ekoloġika.
L-inizjattiva tal-Feed-in Tariff toffri lill-familji u lin-negozji rata fissa ta’ 15ċ kull kWh għall-elettriku ġġenerat permezz ta’ enerġiji rinnovabbli konnessi mal-grid għal tul ta’ 20 sena.
Il-Gvern din is-sena qed jalloka erba’ miljuni u tmin mitt elf ewro għas-sistemi tal-enerġija rinnovabbli għad-djar.
Permezz ta’ din l-iskema, l-applikanti li jinvestu f’sistemi fotovoltajiċi u sistemi ta’ ħażna ta’ batteriji fi djarhom jistgħu jibbenefikaw mill-għażliet ta’ rifużjoni maqsumin fuq erba’ għażliet.
Il-Ministeru nieda wkoll inizjattivi ġodda biex jinkoraġġixxi investimenti fuq skala kbira f’offshore floating wind u solar farms fiż-żona ekonomika esklussiva ta’ Malta.
Fil-fatt erba’ sejħiet għall-offerti għall-intraprendituri biex jinvestu fl-iżvilupp ta’ proġetti kbar ta’ enerġija rinnovabbli, bħal solar farms u turbini tar-riħ b’kapaċitajiet minn 40kW sa 200kW u minn 200kW sa 1,000 kW, se jibdew mis-26 t’April, bl-aħħar waħda tagħlaq fil-11 ta’ Novembru li ġej.
Kull informazzjoni oħra relatata se tkun disponibbli fuq il-websajt tar-REWS mill-1 ta’ Marzu li ġej.