Fix-xhur li ġejjin, persuni li qed jiskontaw sentenza l-ħabs u li f’xi mument f’ħajjithom missew mal-prostituzzjoni, se jibdew jingħataw għjanuna speċjalizzata u professjonali.
Dan bħala parti minn programm offrut mill-istat, frott diskussjonijiet li saru bejn il-Gvern u Dar Ħosea, l-unika dar f’Malta mmexxija mill-volontarjat li tiffoka esklussivament fuq każijiet ta’ prostituzzjoni.
It-tabiba Anna Vella, waħda mill-persuni li jmexxu Dar Ħosea – li tkellmet magħna bit-telefon bħala parti mill-ħidma tad-Dar biex tipproteġi l-identità tal-vittmi, spjegat li d-dar tilqa’ fiha nisa li jingħataw kwalunkwe għajnuna li jkollhom bżonn bħal ikel, ħwejjeġ u assistenza legali:
“L-idea ta’ dal-programm hija biex waqt li jkunu qed jiskontaw l-aħħar biċċa tas-sentenza tal-ħabs, jingħataw skills u korsijiet u għajnuna psikoloġika u medika fejn jistgħu joħorġu hemm barra u flimkien ma’ social workers u professjonisti jkunu jistgħu jibdew ħajja ġdida iktar b’saħħitha milli kieku ħarġu barra mingħajr għajnuna ta’ xejn.”
L-għaqda mhux governattiva diġà tagħmel dan ix-xogħol b’mod regolari, iżda din hija l-ewwel darba li se tingħata fondi mill-Gvern biex ittejjeb is-servizzi tagħha, b’mod li jagħtu d-dinjità li dawn in-nisa jkunu tilfu minħabba t-tlajjar u l-prostituzzjoni.
“Dawn ikollhom ħafna problemi mhux biss ta’ prostituzzjoni, imma ħafna drabi jkun hemm problemi ta’ droga, jitilfu t-tfal u d-dar tagħhom, ħafna problema u dan huwa xi ħaġa interessanti kif dawn in-nisa joħorġu empowered biex jaffrontaw il-ħajja b’iktar strumenti u saħħa milli kieku nħalluhom waħedhom jaffaċċjaw il-ħajja.”
Is-Segretarju Parlamentari Julia Farrugia Portelli qalet li dan il-programm huwa biss parti mill-ħidma tal-Gvern biex isaħħaħ u jħarrax il-ġlieda tiegħu kontra dawk li jisfruttaw persuni vulnerabbli; u biex il-vittmi minflok ikunu penalizzati, jingħataw l-għajnuna meħtieġa.
“Dan huwa l-ewwel pass parti minn EXIT Programme għall-prostituti li b’xi mod jew ieħor ikunu qegħdin fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin u se nagħtuhom dik l-għodda neċessarja biex insaħħuhom fid-deċiżjonijiet tagħhom u biex ġaladarba joħorġu mill-ħabs ikollhom ħajja ’l bogħod miċ-ċrieki ta’ prostituzzjoni.”
Sadanittant, f’kummenti fuq il-midja soċjali, il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca laqgħet b’sodisfazzjon din il-miżura sabiex nies li jkunu fid-dinja tal-prostituzzjoni jkunu jistgħu joħorġu minnha u jibnu ħajja dinjituża.