Il-Gvern appoġġja l-azzjoni li ħadet l-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji, l-MFSA, meta waqqfet l-operat ta’ SataBank minħabba allegazzjonijiet ta’ ħasil ta’ flus.
Fi stqarrija, is-Segretarjat Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji qal li l-azzjoni tal-awtorità turi bl-aktar mod ċar li l-istituzzjonijiet qed jaħdmu sew.
B’reazzjoni għall-kritika tal-Oppożizzjoni għall-mod kif imxiet l-MFSA f’dan il-każ, is-Segretarjat qal li s-settur tas-servizzi finanzjarji m’għandu qatt jintuża bħala ballun politiku, b’theddida għal eluf ta’ impjieg fis-settur.
Il-Gvern qal li se jibqa’ impenjat li jagħti l-għodda kollha meħtieġa lir-regolatur biex jiġġieled l-abbużi mis-settur u joffri protezzjoni lill-konsumaturi, bħalma għamel diġà fir-riforma tal-MFSA, u billi applika direttivi bħal dik ta’ kontra l-ħasil ta’ flus.