Il-Gvern iddikjara li jaqbel mad-deċiżjoni indipendenti li ttieħdet mill-Fond Soċjali u Żvilupp Nazzjonali (NSDF) biex jinxtraw ishma tal-Lombard Bank.
Fi stqarrija qal ukoll li jemmen ukoll li għandu jkun hemm trasparenza sħiħa u jemmen li hemm modi kif dan iseħħ filwaqt li tkun rispettata l-integrità u indipendenza ta’ dan il-Fond, fejn id-deċiżjonijiet jittieħdu minn professjonisti bla indħil mill-Gvern.
Il-Gvern żied li huwa konvint li din id-deċiżjoni ttieħdet f ’qafas ta’ żvilupp, liema fondi iktar ma jitkattru iktar isaħħu l-fondi li jintużaw għal skopijiet soċjali. Kien nhar il-Ġimgħa li l-Bord tal-Gvernaturi tal-Fond Soċjali u tal-Iżvilupp Nazzjonali (NDSF) ħabbar li ffirma ftehim biex jixtri l-ishma li l-bank Ċiprijott Cyprus Popular Bank għandu fil-Lombard Bank. Qal li permezz ta’ dan il-ftehim, il-Fond kiseb mingħand il-bank Ċiprijott aktar minn 21,600 sehem jew 49% tal-ismhma kollha maħruġin mil-Lombard Bank.
Fi stqarrija, il-Bord spjega li ħames snin ilu, il-bank Ċiprijott ġie mġiegħel jiddisponi mill-assi tiegħu inkluż dawk fil-Lombard Bank. Madankollu ngħad li kull sforz li sar sfuma fix-xejn.
Il-Bord tal-Gvernaturi spjega li l-akkwist tal-ishma m’għandux l-għan ta’ xi investiment strateġiku iżda huwa intiż biss biex jipprovdi mod ġust u aktar faċli kif il-bank Ċiprijott jeħles mis-sehem maġġoritarju fil-Lombard Bank li huwa bank lokali stabbilit u rispettat u li huwa l-akbar azzjonist fil-Maltapost.
Sostna li l-miżura li ħa hija skont ir-regolamenti fosthom li jagħti sostenn lill-kummerċ. Iddikjara li l-fond se jaħdem biex inaqqas is-sehem tiegħu fil-Lombard Bank u li m’għandu ebda ħsieb li jinfluwenza t-tmexxija tal-bank u għalhekk mhu se jġib ebda bidla fil-kontroll preżenti tal-bank.
Il-Partit Nazzjonalista wkoll irreaġixxa għal din l-aħbar u qal li qed jistenna li jkun hemm trasparenza fid-deċiżjoni tal-Gvern li jixtri ismha fil-bank Lombard mill-fondi tal-IIP. Il-Partit Nazzjonalista jerġa’ jtenni l-pożizzjoni tiegħu f ’Diċembru li għadda meta fondi mill-IIP intużaw biex inxtraw ishma tal-Bank of Valletta.
Għal dan il-Gvern kellu dikjarazzjoni ċara. “Ta’ min ifakkar li l-Partit Nazzjonalista fl-Oppożizzjoni kien u għadu kontra l-programm ta’ ċittadinanza b’investiment, liema programm qed iwassal biex Malta jkollha fondi li tuża għal skopijiet soċjali u ta’ żvilupp. Li kien għall-Oppożizzjoni, dan il-fond ma jeżistix,” qal il-Gvern.