€59 miljun. Daqshekk alloka Gvern Laburista fil-Budget 2022 lill-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja.
€8 miljuni aktar mill-2021.
Hekk sostniet il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja Julia Farrugia Portelli waqt konferenza tal-aħbarijiet bit-tema Malta li rridu għal uliedna.
Waqt din il-konferenza, il-Ministru Portelli spjegat kif €50 miljun mill-allokazzjoni kollha huma ddedikati lis-settur ta’ diżabilità. B’ hekk dan jagħmlu l-aktar budget b’saħħtu li qatt kien hemm f’dan is-settur.
Fil-fatt, il-Ministru Julia Farrugia Portelli aċċennat għal uħud mill-miżuri li huma fornuti minn din l-allokazzjoni rekord. Fost oħrajn issemmiet iż-żieda ta’ €5 fl-allowance għat-tfal b’diżabilità u li se jgawdu minnha 1,700 familja, iż-żieda fl-għotja għal carer ta’ persuni b’diżabilità u l-iskema l-ġdida biex tfal b’diżabilita jibdew jieħdu occupational therapy mill-ewwel u mhux jitilfu l-ħin prezzjuż.
Din l-iskema waħedha se tkun qed tiswa miljun u nofs ewro waħedha.
Intant il-Ministru Farrugia Portelli semmiet inizjattivi oħra bħal dik ta’ bini ta’ dar ġdida għal persuni b’diżabilità fin-naħa ta’ fuq ta’ Malta, it-tneħħija tat-test tal-mezzi tad-dħul fl-assistenza għal diżabilità severa, u l-eżenzjonijiet jew traħħis fuq xiri ta’ vetturi għal persuni b’diżabilità biex tibqa’ tiġi inċentivata ħajja indipendenti.
Madankollu l-Ministru ma waqfitx mas-settur tad-diżabilità biss hekk kif spjegat ukoll kif dan il-Gvern se jkun qed jaħseb fiż-żgħażagħ permezz ta’ diversi skemi fosthom dik taż-żieda ta’ 10% fl-istipendji u l-opportunità li jistgħu jaħdmu sa 25 siegħa fil-ġimgħa mingħajr ma dan jitilfuh u t-trasport pubbliku b’xejn.
Il-Ministru Farrugia Portelli qalet: “Is-saħħa ta’ pajjiż ma titkejjilx bil-mod b’saħħtu ekonomiku tas-soċjetà imma kemm dak il-pajjiż, dik is-soċjetà partikolari għandha għal qalbha l-ġustizzja soċjali. Nemmen li dan huwa Budget li huwa msejjes fuq dak li il-valur ewlieni li jgħaqqadna.”