Il-Gvern, permezz tal-Awtorità tal-Artijiet, alloka proprjetà b’kirja fil-Qawra lis-Soċjetà Mużikali San Pawl bil-għan li tintuża għat-tagħlim tal-mużika fi ħdan il-komunità ta’ San Pawl il-Baħar u l-madwar. Dan il-ftehim ta’ kera, għall-perjodu ta’ ħmistax-il sena, huwa pass ieħor importanti fl-istorja ta’ din is-Soċjetà biex tkompli ssaħħaħ il-ħidma volontarja f’din il-lokalità b’aktar taħriġ fil-mużika.
Il-Ministru għall-Artijiet u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali Stefan Zrinzo Azzopardi ppreseda dan il-ftehim li ġie ffirmat fil-binja tas-Soċjetà Mużikali San Pawl mill-President tas-Soċjetà, Joseph Vella, u l-Uffiċjal Eżekuttiv Ewlieni tal-Awtorità tal-Artijiet, Robert Vella.
Huwa żied jgħid li l-Gvern se jibqa’ kommess li jappoġġja aktar każini tal-baned, kunsilli lokali u għaqdiet non-governattivi sabiex jinħolqu komunitajiet iktar magħquda, kreattivi u attivi.
Min-naħa tiegħu, il-President tas-Soċjetà Mużikali San Pawl Joseph Vella wera l-apprezzament tiegħu għal dan il-ftehim u spjega kif din is-Soċjetà se tkun qed tutilizza dan l-ispazju. Huwa faħħar il-kollaborazzjoni tal-Awtorità tal-Artijiet u l-għajnuna tal-kumitat ħabrieki ta’ din is-Soċjetà.