Fil-Budget għal din is-sena, il-Gvern alloka €2.75 miljun għall-iskema Home Helper of Your Choice. Żieda ta’ kwart ta’ miljun ewro fuq is-sena li għaddiet.
Il-Ministru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva Michael Farrugia spjega li sal-aħħar tas-sena li għaddiet, min kien qed jieħu s-servizz taħt din l-iskema kien jirċievi sussidju ta’ €5.50 għal kull siegħa. Permezz ta’ żieda fl-allokazzjoni ta’ fondi, b’effett mill-bidu ta’ din is-sena, dan is-sussidju żdied għal €7.00 kull siegħa.
Il-Ministru Farrugia spjega li l-helper tista’ tkun persuna ta’ fiduċja, xi ħadd mill-qraba tal-anzjani, jew persuna professjonali li toffri servizz ta’ tindif fid-djar. Il-helper ma tistax tkun persuna li tgħix fl-istess residenza u trid tkun irreġistrata skont il-liġi ta’ Malta.
Il-klijenti jistgħu wkoll iqabbdu kumpanija privata tat-tindif biex tipprovdi l-helper.
“Dawk li jagħżlu l-helper tal-għażla tagħhom il-Gvern jissussidja €7 għal kull siegħa li huma jkunu intitolati. Apparti minn hekk l-anzjan ma jkollux għalfejn iħallas ir-rata nominali jekk jintbagħat il-helper minn naħa tal-Gvern. L-anzjani huma fil-maġġor parti tagħhom dawk li għandhom iktar minn 75 sena li huma intitolati għal sagħtejn jekk huma jkunu jridu. Oħrajn jiġi assessjat l-anzjan jekk naraw għandu bżonn għajnuna jew inkella kemm għandu bżonn sigħat.”
Il-Ministru Michael Farrugia
Tul il-konferenza ġie spjegat ukoll kif fil-preżent hemm 53 residenza b’total ta’ 85 persuna li qed jibbenefikaw minn din l-iskema. Dan jammontaw għal total ta’ 114 il-siegħa fil-ġimgħa bi spiża ta’ €798 fil-ġimgħa biex b’hekk is-somma totali tlaħħaq €41,496 fis-sena.
Huwa qal li dan il-Budget se jkompli jibni fuq id-diversi inizjattivi li ddaħħlu fl-aħħar tmien snin. Fakkar li matul il-Budget għal din is-sena, il-Gvern alloka wkoll €3.5 miljun għall-iskema Carer at Home, skema li, permezz tagħha, anzjani jingħataw għajnuna finanzjarja biex jimpjegaw carers kwalifikati tal-għażla tagħhom biex jgħinuhom fil-bżonnijiet tagħhom fid-dar privata tagħhom.