Il-Gvern ħatar bord biex jevalwa l-proċeduri interni tal-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi, skont l-Att dwar l-Inkjesti fil-liġijiet ta’ Malta.
Fi stqarrija l-Ministeru għall-Intern qal li l-bord se jitmexxa mill-Psikjatra Anton Grech bħala Chairman, u l-Akkademika Janice Formosa Pace u t-Tabib George Grech bħala membri.
Dr Formosa Pace offriet ir-riżenja mill-Bord ta’ Governanza tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, sabiex tkun tista’ sservi fuq dan il-bord.
Il-Gvern qal li l-Bord se jkun responsabbli fost oħrajn li jiskrutinizza:
- L-assessjar li jsir fil-ħabs fuq is-saħħa fiżika u mentali tal-priġunieri kollha;
- Ir-regoli tal-introduzzjoni fil-faċilità;
- Il-miżuri tal-ħabs għall-prevenzjoni tas-suwiċidji, u
- Il-proċeduri dwar ir-riabilitazzjoni tal-priġunieri mill-vizzji.
Il-Bord hu obbligat jippreżenta r-rapport tiegħu lill-Ministru għall-Intern Byron Camilleri fi żmien 60 jum.
Il-ħatra tal-bord segwiet stqarrija mill-ħabs hekk kif priġunier Malti ta’ 30 sena kellu jittieħed għall-kura wara attentat ta’ suwiċidju.
Fi stqarrija l-Ħadd filgħaxija l-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi qalet li r-raġel instab fiċ-ċella tiegħu u ngħata l-ewwel għajnuna mit-tobba u l-infermiera tal-ħabs stess.
Dwar dan inħatret inkjesta li qed titmexxa mill-Maġistrat tal-Għassa Doreen Clarke, filwaqt li anke l-Pulizija tad-Distrett ġew informati bil-każ. Din l-inkjesta hija kompletament indipendenti mix-xogħol li se jagħmel il-Bord li nħatar it-Tnejn.