Fl-aħħar sentejn, il-Gvern Malti ta sostenn kontra l-inflazzjoni darba u nofs aktar, meta mqabbel mal-medja tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.
Dan ġie nnotat fi studju tal-Bank Ċentrali ta’ Malta. Minnu joħroġ li fl-Unjoni Ewropea, il-Gvernijiet nefqu madwar 2.2% tal-ġid nazzjonali f’miżuri ta’ appoġġ lill-familji u n-negozji. Dan filwaqt li f’Malta s-sostenn lejn il-familji u n-negozji qabeż it-3% tal-Prodott Domestiku Gross.
Dan is-sostenn qawwi mill-Gvern Malti seħħ waqt żminijiet ta’ sfidi internazzjonali bla preċedent kawża tal-pandemija u anke bil-Gwerra fl-Ukrajna.
Minn dan l-istudju tal-Bank Ċentrali ħareġ li, s-sena l-oħra, il-Gvern investa f’sostenn ta’ madwar 1.6% tal-ġid nazzjonali minħabba miżuri li huma relatati mal-pandemija.
Min-naħa l-oħra, fuq medda ta’ tliet snin, jiġifieri mill-2020, is-sena li bdiet il-pandemija, il-Gvern ipprovda sostenn ta’ 11.5% tal-ġid nazzjonali lill-familji u n-negozji. Il-maġġoranza ta’ din l-għajnuna kienet permezz tal-COVID Wage Supplement, li pprovdiet paga lil dawk li ma setgħux jaħdmu minħabba r-restrizzjonijiet u b’hekk ġew salvati mal-100,000 impjieg.
Jekk ma’ dan l-appoġġ ta’ 11.5%, wieħed iżid it-tlieta fil-mija għajnuna relatata mal-effetti tal-inflazzjoni, il-Gvern ipprovda għajnuna totali ta’ 14.5% tal-ġid nazzjonali fuq tliet snin.
Fl-aħħar sentejn, waqt dawn iż-żminijiet ta’ kriżi internazzjonali, il-Gvern Malti, immexxi mill-Prim Ministru Robert Abela, investa mal-biljun ewro biex iżomm il-prezzijiet tal-enerġija u l-fjuwil stabbli.
Riċentament minn ċifri tal-Eurostat ħareġ li Malta kienet l-unika pajjiż fl-Unjoni Ewropea, fejn il-kontijiet tad-dawl baqgħu m’għolewx.
Il-Gvern Malti qed isostni li din l-għajnuna se tkompli tingħata lill-familji u n-negozji.
Dan is-sostenn sostanzjali u bla preċedent jispjega ż-żieda fid-dejn nazzjonali fl-aħħar tliet snin. Minkejja dan, id-dejn xorta għadu inqas mill-kriterji stabbiliti mill-Unjoni Ewropea, għal kollox differenti minn dak li kien seħħ fil-kriżi finanzjarja ferm iżgħar tal-2008 u 2009.
Filwaqt li l-kelliema tal-Oppożizzjoni jsostnu li l-Gvern qed jonfoq iżżejjed u bl-addoċċ, l-istudju tal-Bank Ċentrali jsostni li l-miżuri ta’ sapport jikkontribwixxi madwar 70% tal-investiment mill-Gvern li sar fl-2020.
SHOW QOUTE: “support measures contributed around 70% of the increase in expenditure in 2020”.
Fl-aħħarnett l-istudju tal-Bank Ċentrali jikkonferma li jekk il-Gvern jerġa’ lura għall-politika fiskali ta’ qabel il-pandemija, il-qagħda tal-finanzi pubbliċi tkun soda u hemm ftit li xejn riskji għas-sostenibilità tad-dejn nazzjonali.