Il-Gvern ser ikun qed joffri rifużjoni fuq il-miżati tal-operaturi tal-vapuri li daħlu fil-Port Ħieles u ħaddiema oħra tal-merkanzija, fl-eqqel tal-pandemija.
Rifużjonijiet li jkopru sa 35% tal-ispejjeż tagħhom u li għalihom il-Gvern Malti alloka żewġ miljun u tmenin elf ewro.
Dan tħabbar fl-Uffiċini ta’ Transport Malta hekk kif ġie spjegat li r-rifużjonijiet ta’ dawn l-ispejjeż ser japplikaw għal dawk li ħadmu bejn Diċembru tal-2019 u Mejju 2020.
B’kollox 1,357 sejħiet ta’ vapuri fil-port, 24,719-il kontejner u 14,755 trailer se ikunu eleġibbli għal din l-iskema.
Dwar din l-iskema ONE News tkellem mal-Kaptan David Bugeja: Huwa qal: “Kull darba li jidħol vapur iħallas tas-servizzi tal-Port, iħallas tal-pilotaġġ, iħallas tal-irmiġġi u ta’ dik l-ispiża globali ħa nagħtu 35%.”
Ġie spjegat ukoll kif ma hemmx bżonn applikazzjonijiet għal din l-iskema hekk kif Transport Malta għandha l-informazzjoni kollha. B’hekk fi żmien qasir hija ser tkun qed tikkuntattja lil dawk kollha eliġibbli bl-ammonti li huma dovuti.
Intant il-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri sostna punt kruċjali wara din l-iskema.
Dik li affarijiet bażiċi bħall-ikel ma jogħlewx fil-prezz.
Il-Ministru Schembri stqarr: “Ridna li nissapportjaw din l-industrija sabiex dawk l-ispejjeż anke minħabba l-kwistjoni tal-Covid u spejjeż amministrattivi oħra, kemm jista’ jkun inaqqsuhom ħalli dawn ma jkunux ta’ piż li mbagħad jirriżulta fuq prezzijiet iktar għolja u din l-iskema propju għandha dak il-għan. Li nassistu l-industrija sabiex b’hekk niżguraw li l-prezzijiet jibqgħu kemm jista’ jkun stabbli.”
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għat-Trasport Ian Borg saħaq ukoll fuq l-effiċjenza tat-trasport f’Malta speċjalment dak marittimu.
Huwa qal: “Illum qed nirrikonoxxu lil kull min jaħdem fil-qasam tal-marittimu mhux biss bħala ħaddiema essenzjali imma wkoll billi nikkumpensawhom għal spejjeż li huma ġarrew f’dawn iż-żminijiet fejn kienu kruċjali li nkomplu nġibu l-merkanzija ħalli meta mmorru għand tal-ħanut, meta mmoru fl-ispiżeriji, inkomplu nsibu l-prodotti u anke biex dak ix-xogħol li baqa’ jinħadem fil-fabbriki tagħna jkun esportat il-barra.”