B’daqqa ta’ pinna SportMalta għaddiet maħżen f’Xatt il-Barriera fil-Belt f’idejn il-Klabb Regatta Birżebbuġa. Għalhekk issa l-unika klabb barra l-Port il-Kbir għandu fi ħdanu binja li fiha jista’ jħarreġ numru ta’ qaddiefa b’mod professjonali f’tefgħa ta’ ġebla ‘l bogħod minn fejn isiru t-tlielaq tar-regatta.
Iċ-Chairman ta’ SportMalta Lucianno Busuttil elenka l-importanza ta’ dan il-ftehim u oħrajn bħalu għal għaqdiet sportivi.
Huwa qal, “Permezz li tatih il-faċilità, tatih il-binja, qed tatih awtonomija lill-klabb, dik hija l-aktar ħaġa importanti, jkun jista’ jikber u jattira aktar tfal u żgħażagħ u persuni li jħobbu dak l-isport partikolari u jikbru għar-riżultati tagħhom.”
Dan il-maħżen huwa pass ieħor għall-klabb li ra l-bidu tiegħu fis-snin sebgħin, iżda għamel xi snin wieqaf għaliex ma kellux post fejn iħarreġ lill-qaddiefa tiegħu.
Madanakollu, il-President tal-Klabb Regatta Birżebbuġa sostna li hemm aktar pjanijiet għall-futur.
Is-Sur Farrugia fisser:“Għandna pjan fuq il-klabb ta’ Birżebbuġa biex inħeġġu lill-Gvern jibnih ħalli nkunu nistgħu nrawmu in-nursery tagħna, għaliex in-nursery tagħna qiegħda f’żewġ containers. Allura n-nursery tagħna nħeġġuha biex ikolna aktar tfal żgħar ħa nrawmu aktar tfal għall-qdif.”
Dan il-ftehim sar fil-preżenza tal-Ministru tal-Kwalità tal-Ħajja Julia Farrugia Portelli, is-Segretarju Parlamentari għall-Isport, ir-Rikreazzjoni u l-Volontarjat Clifton Grima, membri tal-klabb kif ukoll il-Kunsill Lokali ta’ Birżebbuġa.
Il-Ministru Farrugia Portelli tenniet li dan huwa parti minn proġetti u investiment kapitali fl-isport li jammonta għal €13-il miljun u s-Segretarju Parlamentari Grima qal li permezz ta’ dan l-investiment il-Gvern qed jagħti għodda essenzjali biex il-klabb jibqa’ għaddej.