Permezz ta’ ftehim li ġie ffirmat it-Tnejn waranofshinar, il-Gvern għadda l-art li fuqha hemm il-maħżen numru 3 fi Triq it-Tarzna l-Isla, lill-klabb tar-regatta tal-Isla.
F’dan il-maħżen fost l-oħrajn jinbnew u anke jittranġaw l-opri tal-baħar li jintużaw għar-regatta, liema sengħa f’Malta waslet fix-xifer biex tispiċċa.
Il-President tal-klabb, Charmaine Gerada, filwaqt li rringrazzjat lil Gvern u SportMalta għall-għajnuna tagħhom, qalet li dan it-trasferiment se jgħin biex aktar żgħażagħ jitrawwmu f’dan l-isport imnaqqax fil-kultura Maltija.
Hija spjegatilna: “Aħna konna nutilizzawh billi konna nirranġaw opri tal-klabb u nrawmu liż-żgħażagħ li għandhom interess fir-regatta. Parti minnu se tkun li nkunu nistgħu nkomplu nirranġaw id-dgħajjes, illum biex tagħmel dgħajsa hija diffiċli u ma tantx baqa’ min jagħmel.”
Is-Segretarju Parlamentari għall-Isport Clifton Grima qal li l-impenn tal-Gvern hu li jkompli jwettaq il-wegħdiet sportivi elettorali tiegħu. Huwa stqarr li dan il-gvern irid irawwem u jsaħħaħ il-kultura sportiva sa mill-etajiet bikrin.
Huwa stqarr: “Bħala Gvern qed nuru bil-fatt li s-settur sportiv ħaqqu jingħata kull għajnuna possibli u allura nagħmlu numru ta’ inizjattivi li fosthom skemi sabiex ngħinu lill-atleti b’mod dirett u lill-għaqdiet sportivi. Illum qed naraw għajnuna li nħabbru t-titlu lil klabb jew għaqda sportiva u jkomplu jinvestu fl-atleti tagħhom.”
Min-naħa tiegħu Luciano Busuttil, Chairman ta’ SportMalta fakkar li dan il-proċess ta’ għotja t’artijiet jagħti spinta lill-għaqdiet sportivi biex ikomplu jikbru u jattiraw aktar żgħażagħ u tfal lejn l-isport.