Il-Gvern ser jagħti ħames artijiet lill-klabbs sportivi f’pajjiżna. Dan wara li għaddew f’mozzjoni tal-Kumitat Parlamentari tal-Kontijiet dwar l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika.
Il-ħames klabbs sportivi li se jkunu qed jingħataw dawn l-artijiet huma: il-Klabb tar-Regatta ta’ Birżebbuġa li se jkollhom f’idejhom maħżen fil-Belt, il-klabb tal-futbol ta’ Ħal Kirkop, il-klabb tal-futbol tal-Marsa, il-klabb tal-futbol ta’ Wied il-Għajn u l-klabb tar-regatta tal-Isla.
Is-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Isport Clifton Grima qal kif il-Gvern se jkompli jagħmel l-almu tiegħu sabiex jgħin lill-klabbs sportivi.
Huwa stqarr: “Aħna nagħtu l-għodda lil dawn il-klabbs, l-għodda lil dawn l-għaqdiet jew inkella federazzjonijiet li qegħdin jagħmlu xogħol imprezzabli. Għaqdiet li għandhom livell u aspett sportiv li hemm wieħed jikkompeti sabiex jirbaħ. Imma wieħed tajjeb jgħid ukoll li dawn għandhom impatt importanti ħafna fil-komunitajiet fil-bliet u fl-irħula tagħna.”
Dawn l-artijiet se jingħaqdu ma’ oħrajn li ngħataw diġà mill-elfejn u sbatax ‘il hawn, fosthom lill-klabb tal-Waterpolo tal-Belt, lill-klabb tal-futbol tal-Marsa, il-klabb tal-futbol Għawdxi Victoria SK Wanderers, il-klabb tal-basketball tal-Hibernians u lill-klabb tal-futbol Belti.