Iffirmat ftehim bejn il-Gvern u s-Salesjani ta’ Don Bosco, liema ftehim se jiggarantixxi l-finanzjament ta’ €720,000 fuq firxa ta’ tliet snin.
Din l-għajnuna se tkun qed tingħata lil din l-organizzazzjoni reliġjuża li tagħmel ġid fil-kommunità speċjalment ma’ tfal u adoloxxenti. Permezz tar-residenzi tagħhom, huma jilqgħu tfal li għal xi raġuni jkollhom jittieħdu mill-kustodja tal-ġenituri jew dawk li għandhom il-kura tat-tfal. Hemmhekk jingħataw imħabba u ambjent ospitabbli.
F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali, Michael Falzon spjega kif permezz tal-Aġenzija Apooġġ, se jkunu provduti għaxar sodod f’Dar Osanna Pia u sebgħa sodod f’Dar Mamma Margherita, li t-tnejn li huma jinsabu f’Tas-Sliema.
Il-Ministru Michael Falzon qal li l-ħidma f’dan il-Ministeru fuq ftehim soċjali ta’ dan it-tip se tibqa’ għaddejja ma’ diversi entitajiet li jaħdmu fis-qasam soċjali, bl-għan aħħari jkun li tingħata ħajja aħjar lil persuni li jsibu diffikultà f’ħajjithom.