Fix-xahar li jfakkar l-għarfien fuq il-vjolenza domestika ġie mniedi ftehim fejn se jingħata fond ta’ madwar tliet mitt elf ewro sabiex jiġu mgħejjuna nies li kienu vittmi ta’ fastidju sesswali.
Dan il-ftehim, li huwa mifrux fuq tliet snin, sar bejn il-Ministeru għas-Solidarjetà, il-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal u l-organizzazzjoni mhux governattiva Victim Support Malta.
Sarah Jane Mifsud minn Victim Support Malta spjegat kif fl-aħħar seba’ snin l-organizzazzjoni għenet iżjed minn mitejn u ħamsin familja permezz tal-erba’ servizzi li toffri.
Dawn is-servizzi jinkludu, servizz terapewtiku fejn dawk li sfaw attakkati riċentament jew fil-passat jistgħu jiġu mgħejjuna, servizz legali għal dawk kollha li jkollhom bżonn konsultazzjoni, servizz psikjatriku kif ukoll servizz miftuħ erbgħa u għoxrin siegħa kuljun fejn dejjem hemm ħaddiema soċjali lesti biex jisimgħu u jgħinu minnufih.
Il-Ministru għall-Ġustizzja Soċjali, Michael Falzon saħaq li permezz ta’ dan il-ftehim, il-Gvern se jkun qed jitratta suġġett li għal bosta snin kien ikkunsidrat bħala suġġett tabù.
Qal li rridu nifhmu r-realtajiet tas-soċjetà u x’iwassal biex bniedem jaġixxi b’mod li jagħti fastidju.
Intqal kif Victim Support Malta diġà tgawdi minn ftehim ieħor li jgħin nies li jikkontemplaw jew jippruvaw iwettqu suwiċidju wara li jgħaddu minn trawma.