Fost il-ħafna miżuri tal-baġit għas-sena d-dieħla hemm dawk immirati fil-qasam tad-drittijiet tal-annimali. Waħda partikolari hija dik li jingħata inċentiv finanzjarju għal dawk li jgħażlu li jaddottaw kelb jew qattus minflok jixtru jew jimpurtaw wieħed.
Ħabbar dan is-Segretarju għad-Drittijiet tal-Annimali Clint Camilleri waqt li kien qed iqassam għadd ta’ għotjiet finanzjarji lill-għaqdiet mhux governattivi. Huwa spjega kif “aktar ‘il quddiem se nkunu qegħdin inħabbru miżura ġdida li se tgħin lil dawk il-familji li jiddeċiedu li jaddottaw ‘pet’ mis-santwawju, jiġifieri li jkun ġew abbandunati u kkuratti, u dan se nagħmluh biex inkomplu nmexxu l-aġenda ta’ dan il-Gvern fejn jidħlu l-annimali”.
Camilleri qal kif dan il-fond ra żieda ta’ 41% għas-sena d-dieħla. Spjega kif minkejja dan, il-fondi ta’ din is-sena għadhom ma tqassmux kollha.
Dan għaliex ġew riservati għal xi għaqdiet oħra mhux governattivi li għad iridu jirregolaw lilhom infushom f’termini ta’ reġistrazzjoni mal-Kummissarju għall-Għaqdiet Volontarji.