Għal sena oħra d-direttorat tal-Ħarsien għall-Annimali reġa’ nieda skemi finanzjarji biex jgħin lil dawk in-nies li jieħdu ħsieb annimali li jkunu abbandunati.
Madwar għoxrin għaqda volontarja se jingħataw bejniethom is-somma ta’ €129,000 bil-għan li jkompli jitjieb il-ħarsien tal-annimali f’pajjiżna.
Il-Ministru għad-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo spjega kif l-għan wara din l-inizzjattiva hi li jkun hemm appoġġ lejn dawn l-organizzazzjonijiet biex iwettqu proġetti li għandhom il-potenzjal jipprovdu ħajja xierqa għall-annimali.
Il-Ministru Refalo kompla jispjega kif l-għaqdiet li qed jirċievu l-fondi jvarjaw minn dawk li jieħdu ħsieb iż-żwiemel għal oħrajn li jieħdu ħsieb qtates u klieb fis-santwarji tal-annimali fost oħrajn.
Hu stqarr, “Kif qed tgħid tajjeb inti importanti li l-benesseri tal-annimali tagħna aħna nsaħħuħ. U jien wiħed minn dawk li nemmen li hemm bżonn li jkun hemm fair play iġifieri magħna f’id f’id il-kunsilli lokali, l-NGOs, l-VOs għaliex aħna lkoll flimkien naħdmu għall-ġid tal-annimali tagħna. Din l-iskema li tissejjaħ Animal Welfare Fund hija importanti ħafna għall-annimali tagħna u din id-darba sejrin noħorġu mhux inqas minn mija u u disa’ u għoxrin elf ewro għall-benesseri tal-annimali tagħna.”
Il-Ministru għall-Volontarjat, Julia Farrugia Portelli tenniet kif il-Gvern kien ikkommetta ruħu li tiżdied l-għajnuna finanzjarja lis-santwarji tal-annimali biex dawn ikunu jistgħu jinvestu f’infrastruttura u fi proġetti ta’ natura kapitali bl-iskop li jtejbu l-faċilitajiet tas-santwarji.
Sostniet ukoll kif proprju grazzi għas-sostenn tal-Gvern matul il-pandemija, l-ebda għaqda volontarja ma keċċiet l-impjegati tagħha u b’hekk ġew salvati mal-5,500 impjieg.
Farrugia Portelli qalet, “Dan il-fond huwa torija ċara ta’ dak li emmina fih anka fil-manifest eletorrali u beda oħra li kompliet titwettaq u turi wkoll l-impenn ta’ dan il-Gvern li aħna verament nemmnu fuq l-NGOs u dana rajnih ħaj fiż-żmien il-pandemija fejn l-għajnuna li tail-Gvern fi żmien il-pandemija salvajna ħamest elef u ħames mitt impjieg ta’ dawk li jaħdmu fl-NGOs bejn full time u part time.”