Ftehim bejn il-Gvern u s-Soċjetà Mużikali San Girgor ta’ Tas-Sliema wassal biex l-istess għaqda mużikali tirċievi €10,000 mill-Fond ta’ Kontinġenza għall-għaqdiet volontarji. B’dawn il-flus, is-Soċjeta Mużikali San Girgor se tinstalla glass cladding madwar il-lift sabiex ikun jista’ jintuża u b’hekk tiżdied l-aċċessibiltà għal persuni b’diżabilità.
L-eks segretarju tal-istess każin Gregory Sammut spjega kif din l-għotja għenet lill-istess soċjeta tikkonkludi proġett li għandu l-għan li jagħmel il-binja aċċessibbli għal kulħadd:
“Bħala binja hija binja moderna, riedna nagħmlu l-almu tagħna biex tkun aċċessibbli għal soċjetà inklussiva, u b’dawn il-fondi aħna se naħdmu biex inkunu nistgħu inħallsu d-dejn li fadlilna biex b’hekk inkunu nistgħu niffinalizzaw dan il-proġett. Proġett li huwa għal qalbna, għandna kain viċin il-knisja u b’hekk anke l-festa ta’ San Girgor tista’ tkun iċċelebrata b’mod aħjar għax aħna iktar qrib tal-knisja”.
Is-somma tal-lift tammonta għal €32,000. Barra minn hekk, se ssir manutenzjoni tas-saqaf permezz ta’ waterproofing membrane.
Il-Fond ta’ Kontinġenza huwa amministrat mis-Segretarjat Parlamentari għall-Għaqdiet tal-Volontarjat.
Is-Segretarju Parlamentari Clifton Grima spjega li filwaqt li hemm linji ta’ finanzjament b’appoġġ għall-proġetti mwettaq minn organizzazzjonijiet volontarji, tibqa r-realta li hemm sitwazzjonijiet eċċezzjonali fejn organizzazzjoni jista jkollha appoġġ li jirriżulta minn sitwazzjoni t’ emerġenza.
Għaldaqstant, il-Fond ta’ Kontinġenza jintuża biss f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza u eċċezzjonali li jistgħu jinqalgħu minn żmien għal żmien, u f’sitwazzjonijiet li jistgħu iwaqqfu l-operat tal-organizzazzjoni volontarja jew fejn ikun hemm ir-riskju.
“Dan ikompli juri bil-fatt u jikkonferma anke bil-fatti kemm dan il-gvern għandu gġal qalbu s-settur tal-volontarjat, kemm vermanet bil-fatti aħna qed ngħinu lill-volontiera tagħna sabiex ikomplu jagħmlu differenza f’diversi oqsma u setturi fis-soċjetà Maltija”.
Is-Soċjetà Mużikali San Girgor ilha mwaqqfa mill-1987, u l-għan tagħha huwa li tkompli tkattar it-tagħlim tal-mużika u l-kultura f’Tas-Sliema.