Il-Gvern iffirma ftehim mal-Fondazzjoni Karl Vella sabiex din tipprovdi appoġġ psikoloġiku professjonali lit-tfal li jkollhom lill-ġenituri jew xi qarib ieħor marid serjament. Dan il-ftehim se jwassal biex il-fondazzjoni tirċievi €226,000 fuq medda ta’ tliet snin.
Il-Fondazzjoni Karl Vella li tfakkar lil dak li tant wera kuraġġ meta ħabbat wiċċu ma’ marda kiefra li ħaditlu ħajtu, ilha miftuħa sa minn Mejju ta’ ħames snin ilu u llum topera minn dawk li kienu stalel fuq wara tal-Palazz ta’ Sant’Anton.
Kif sostniet il-ko-fundantriċi u ċ-chairperson ta’ din il-fondazzjoni, hemm missjoni importanti li din il-fondazzjoni qed taqdi biex it-tfal li jbatu wkoll għax jaraw lil dawk li jieħdu ħsiebhom jaqtgħu lura minħabba l-mard, jibqgħu jirċievu l-wens matul perjodi diffiċli:
“Aħna niftħu tliet darbiet fil-ġimgħa; it-Tnejn, l-Erbgħa u l-Ġimgħa. Wara l-ħin tal-iskola niġbruhom jew mill-iskola jew mid-djar tagħhom it-tfal u nġibuhom hawn hekk, ġewwa ċ-ċentru tagħna. Imbagħad ikun hawn volontiera biex jgħinuhom jagħmlu l-homework, nagħtuhom jieklu wkoll, imbagħad wara nagħmlu attivitajiet differenti. Ngħinuhom ħafna wkoll fejn jidħol il-psychological support kemm bħala group work, kemm bħala one to one. Għandna wkoll youth worker li tiġi darba fil-ġimgħa tagħmel sessjoni mat-tfal ukoll.”
Ma setax jonqos li għall-Fondazzjoni din l-għajnuna professjonali mill-Gvern tkun tfisser mitqlu deheb:
“Dan huwa jum importanti ħafna għall-Fondazzjoni, għandna s-serħan tal-moħħ li l-psychological support se jiġi mħallas u hekk it-tfal nafu li s-servizz psikoloġiku se jibqa’ għaddej.”
Preżenti għall-iffirmar kien hemm il-Ministru għall-Familja u s-Solidarjetà Soċjali Michael Falzon li saħaq li dan il-ftehim huwa wieħed minn erbgħin public social partnership li l-Gvern għandu.
Spjega kif in-nefqa tal-Gvern biex jipprovdi l-għajnuna biex ikollna soċjetà aħjar, din is-sena qed tiżdied b’żewġ miljun ewro:
“Din is-sena biss biss fuq il-PSPs, fuq il-public social partnerships biss minn €10 miljun telgħet għal ftit aktar minn €12-il miljun. Dawn ukoll minn barra jkollok fondi li jinġibdu minn sorsi oħra pereżempju bħal tad-diżabilità. Jien qed nitkellem fuq dawk biss li huma public social partnerships, fejn il-Gvern u naħseb hekk għandna nagħmlu kollha kemm aħna naħdmu flimkien ma’ għaqdiet oħrajn biex intejbu s-soċjetà tagħna.”
Huwa faħħar il-ħidma li qed jagħtu ħafna mill-voluntiera mingħajr ma jitolbu xejn lura u ħeġġeġ biex aktar persuni ma jiddejqux ifittxu l-għajnuna.