Il-Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali afferma l-impenn tal-Gvern li jsostni u jippreserva l-interessi kollha li jiddependu mix-xogħol fil-Port il-Kbir.
Dan filwaqt li, fl-istess ħin, ikompli jieħu deċiżjonijiet għal iktar investimenti u proġetti kbar li jattiraw attività u li joħolqu x-xogħol fil-Port.
Fi stqarrija, il-Ministeru qal li kellu laqgħat formali mar-rappreżentanti tal-barklora.
Spjega li, għal din il-kategorija, bħalissa hemm bżonn ta’ soluzzjoni ta’ natura temporanja minħabba l-proġett tal-estensjoni tal-moll ta’ Pinto 4-5. Dan ix-xogħol huwa ffinanzjat b’fondi Ewropej u se jipprovdi wkoll faċilitajiet permanenti għad-dgħajjes tal-pass f’żona viċin ta’ dik preżenti.
Il-Ministeru qal li, fil-laqgħat ġie ddikjarat b’mod mill-iktar ċar li m’hemm ebda intenzjoni li l-barklori jitwarrbu, u ġie miftiehem ukoll li d-diskussjonijiet iridu jkomplu.