Il-Ministru tal-enerġija Iżraeljana Eli Cohen, it-Tnejn akkuża lill-Ġnus Magħquda li l-uffiċjali taż-żamma tal-paċi stazjonati fin-Nofsinhar tal-Libanu qegħdin hemm għal xejn fejn naqsu milli jipproteġu lill-Iżraeljani mill-attakki tal-Hezbollah u għaldaqstant għandhom jirtiraw hekk kif il-ġlied qed ikompli jintensifika.
F’kitba fuq il-mezzi soċjali ‘X’ huwa qal li l-Istat Iżraeljan se jagħmel minn kollox sabiex jassigura s-sigurtà taċ-ċittadini u jekk il-Ġnus Magħquda ma jistgħux jgħinu allanqas m’għandhomx jinterferixxu u joħorġu lin-nies tagħhom miż-żoni ta’ kumbattament.
L-Iżrael u l-Ġnus Magħquda qegħdin f’battibekk dwar il-preżenza ta’ uffiċjali taż-żamma tal-paċi fin-Nofsinhar tal-Libanu hekk kif l-Iżrael qiegħed juża l-forzi tiegħu f’din iż-żona b’attentat li jeqred lill-Hezbollah li hu appoġġjat mill-Iran u l-infrastruttura militari tiegħu.
Il-Ġnus Magħquda qalu li l-Ħadd, tankijiet Iżraeljani kienu daħlu fil-bażi tagħhom fl-aħħar mill-ħafna vjolazzjonijiet kontra l-forzi taż-żamma tal-paċi li kienu kkundannati mill-Hezbollah kif ukoll mill-alleati ta’ Iżrael.
Iżrael qed jiċħad dawn l-akkużi bil-Prim Ministru Benjamin Netanyahu jitlob għall-irtirar tal-uffiċjali taż-żamma tal-paċi peress li, skont hu, dawn kienu qed jipprovdu “tarki umani” għall-Hezbollah hekk kif l-ostilitajiet qed jaskalaw.
Josep Borrell, mill-uffiċju tal-politika barranija fl-Unjoni Ewropea, qal li dawn l-attakki minn Iżrael fuq it-truppi taż-żamma tal-paċi tal-Ġnus Magħquda fil-Libanu, l-UNIFIL, li jwettqu xogħol ferm importanti, huwa inaċċettabbli b’eku tal-kundanna qawwija espressa minn kulħadd b’reazzjoni għall-aħħar żviluppi fil-Lvant Nofsani.