Il-Gvern permezz tal-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes ħabbar kif mill-Erbgħa ġiet estiża l-iskema ta’ sussidju għal strutturi perikolużi.
Din l-iskema kienet bdiet fl-2013 u kien jingħata massimu t’għaxart elef ewro.
Issa din il-miżura twessgħet u dak li jkun jingħata massimu ta’ ħamsa u għoxrin elf ewro biex jirranġa daru minħabba periklu.
Fost xogħlijiet li jistgħu jsiru huma fis-soqfa u gallariji.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet mill-Università l-Antika fil-Belt, il-Ministru Galdes spjega kif l-iskema hija parti mir-Riforma tal-Kirjiet ta’ qabel l-elf disa’ mija ħamsa u disgħin, li daħlet fis-seħħ f’Ġunju tas-sena l-oħra.
Qal li għal din l-iskema hemm allokati kwart ta’ miljun ewro u hija parti mill-Budget għal din is-sena.
Il-Ministru Galdes qal kif il-Gvern ħass il-bżonn li jestendi din l-iskema għaliex illum dawn ix-xogħlijiet saru jiswew aktar minn tmien snin ilu u qal li l-Gvern irid li kulħadd jgħix fi djar siguri.
Qal, “Qed nitkellmu fuq djar antiki u x’kienet is-sitwazzjoni? Ħafna drabi kien ikollok anzjani jew inkella nies li jgħixu bil-pensjoni jew bl-għajnuna soċjali, li ma kienx ikollhom il-mezzi finanzjarji biex jagħmlu xogħlijiet strutturali bħal bdil ta’ soqfa, travi li jkunu spiċċaw. Ħafna minn dawn id-djar inbnew fis-seklu li għadda u anke qabel għad-direttura u s-sidien ġustament minħabba li kienu qed jirċievu kirja baxxa, ma kienx finanzjament vijabbli għalihom li għamlu dak ix-xogħol huma. Allura kienu jispiċċaw jilletikaw bejnithom u ħadd ma jieħu dak l-inkarigu.”
Min-naħa tiegħu l-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar Leonid McKay qal kif fl-ewwel sitt xhur kemm ilha li ġiet varata l-iskema tar-riforma tal-kera, rrikorrew diversi persuni.
Dan hekk kif erba’ mija u ħamsin persuna qed jingħataw l-assistenza legali mingħajr ħlas mill-Awtorità tad-Djar.
Dan filwaqt li erbgħa u ħamsin persuna ngħataw sussidju li jilħaq massimu ta’ għaxart elef ewro lill-inkwilini li m’għandhomx biżżejjed flus.
Spjega, “Hawnhekk il-Gvern ma setax jibqa’ passiv, fejn hawnehkk qed nimxu pass ieħor f’din ir-riforma u qed nagħtu għotja li tilħaq €25,000 lil firxa wiesgħa ta’ inkwilini. Jiġifieri qed inwessgħu l-bends, li inti ma tistax taqbeż is-€60,000 fil-kont bankarju.”