Is-Segretarju Parlamentari Deborah Schembri lbieraħ fil-Parlament xejnet il-kritika negattiva tal-Oppożizzjoni dwar l-Abbozz ta’ Liġi dwar l-Artijiet tal-Gvern u kkritikat il-mod kif il-Gvern dejjem isib oppożizzjoni għal kull proposta biex jinforza li jiġbor flus li għandu jieħu.
Meta kienet qed tagħlaq id-diskussjoni fit-tieni qari tal-abbozz, hija qalet li ma ssibx diffikultà tilqa’ xi suġġerimenti li għamlu l-membri tal-Oppożizzjoni. Iżda mhux ġust li wieħed jippretendi li l-Gvern isolvi f’erba’ snin, problemi li n-Nazzjonalisti ħallew jakkumulaw f’25 sena.
Hija ċaħdet l-allegazzjoni li l-liġi tmur kontra l-kostituzzjoni u qalet li din tagħmilha aktar faċli li ċ-ċittadin jieħu ġustizzja.
Saħqet li l-ordnijiet ta’ żgumbrament kienu l-uniku rimedju biex il-Gvern ikollu saħħa biżżejjed li jiġbor dak li għandu jieħu minn min ikun qed fuq art pubblika. Il-liġi testendi wkoll id-dritt tal-gvern biex jiżgura li jkunu rispettati il-kundizzjonijiet li bihom jingħata ċ-ċens, speċjalment fejn dawn jistgħu jbiddlu l-valur taċ-ċens dovut.
Madankollu, id-dritt tal-ordni ta’ żgumbrament ma kienx qed jingħata bl-addoċċ iżda fl-ambitu tal-liġijiet preżenti u kull każ jista’ jiġi sfidat fil-qrati.
L-abbozz għadda mit-tieni qari. L-istadju tal-kumitat se jittieħed f’sessjoni plenarja dan għax l-Oppożizzjoni ma qablitx li l-abbozz imur quddiem il-Kumitat Permamenti dwar l-abbozz ta’ liġi.