Waqt li huwa fundamentali li jiġu evitati sitwazzjonijiet jew deċiżjonijiet li jippreġudikaw l-investigazzjonijiet kriminali li jinsabu għaddejja, m’hemm xejn li jeskludi xi tip ta’ inkjesta oħra fi stadju ulterjuri, sakemm ma jiġix evitat dan il-preġudizzju.
Sostna dan il-Gvern fi stqarrija b’reazzjoni għat-talba tal-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia li talab li tinħatar kummissjoni dwar il-qtil tal-blogger Daphne Caruana Galizia.
Il-Gvern fakkar kif fis-sistema ġuridika tagħna, meta jseħħ reat bħal dak ta’ Caruana Galizia, tiskatta investigazzjoni mill-Pulizija u oħra mill-Maġistrat Inkwerenti li għandu poteri wiesgħa u mifruxa.
Qal li ħafna mill-punti li semma l-Kap tal-Oppożizzjoni diġà huma soġġetti għal investigazzjoni, u ħeġġeġ lil kull persuna f’Malta, inkluż lill-Kap tal-Oppożizzjoni, biex tgħaddi kull informazzjoni li tista’ tgħin fl-investigazzjonijiet.
Min-naħat tiegħu, il-Partit Laburista qal li Adrian Delia kellu jitlob inkjesta dwaru nnifsu u mhux dwar kwistjonijiet li llum huma diġà investigati minn awtoritajiet indipendenti.
Fakkar li fix-xhur ta’ qabel ma nqatlet Caruana Galizia, Delia kien il-bniedem li l-iktar kien qed ikun attakkat minnha u sejħilha biċċa blogger u għajjarha pubblikament.
Qal li l-kontenut li kitbet dwaru baqa’ qatt ma kien ivverifikat għax beża’ jpoġġi għal inkjesta indipendenti kif għamel il-Prim Ministru fil-każ Egrant.
Il-Partit Laburista qal li għemil Delia jista’ jkun xkiel għal investigazzjonijiet u nnota kif fl-istess ħin li qed jiddikjara li m’għandux fiduċja f’awtoritajiet ġudizzjarji, sal-aħħar jiem stess kien qed imur quddiemhom biex jieħu r-raġun. Qal li bħal Simon Busuttil donnu l-Qorti għandu fiduċja fiha biss meta tgħidlu li għandu raġun!