Il-bastiment SeaWatch 3 wettaq l-operazzjoni ta’ salvataġġ ta’ immigranti ‘l barra mir-reġjun ta’ tfittxija u salvataġġ ta’ Malta. Dan ikkonfermah il-Gvern Malti fi stqarrija tard il-Ġimgħa filgħaxija, fi tweġiba għal diversi kummenti pubbliċi li għamel id-Deputat Prim Ministru Taljan, Luigi Di Maio.
Il-Gvern żied jgħid li l-operazzjoni ta’ salvataġġ saret aktar viċin tal-Italja minn Malta, u filwaqt li l-NGO talbet lill-Italja tipprovdi port sigur għall-iżblokk tal-immigranti, l-Italja irrifjutat li tagħmel dan, u l-bastiment ma kellux għażla oħra għajr li jsalpa u jikseb refuġju fl-ibħra territorjali Maltin.
L-Italja għalqet il-portijiet kollha għal kull NGO, u lil kull operazzjoni oħra li, skont il-liġi internazzjonali, kienet obbligata li tilqa’.
Il-Gvern Malti temm jgħid li d-Deputat Prim Ministru Taljan għandu jikkonferma l-fatti qabel ma’ jistqarr xi affarijiet fil-pubbliku, u għandu jżomm lura milli jgħaddi kummenti simili fil-futur. Dan hekk kif id-Deputat Prim Ministru Di Maio jaf sew li l-Kummissjoni Ewropea qed tfassal programm ta’ rilokazzjoni għal madwar 300 immigrant li kienu salvati fiċ-ċentru tal-Mediterran, u għalhekk, l-Italja għandha tkun parteċipi fir-rilokazzjoni li bħalissa qed tiġi kkordinata.