Fi stqarrija l-Gvern, l-Uffiċċju tal-Prim Ministru fakkar kif Daphne Caruana Galizia stess xehdet fl-inkjesta maġisterjali – li juri li s-Sinjura Caruana Galizia stess kellha fiduċja f’dan il-proċess.
Proċess li minnu ħareġ b’mod inekwivoku li l-allegazzjonijiet dwar il-Prim Ministru u martu kienu foloz u ffabbrikati.
Dan b’risposta għal stqarrija mill-familja ta’ Caruana Galizia, li fl-ebda punt ma tirreferi għall-konklużjonijiet ta’ esperti forensiċi illi dak li Caruana Galizia u Maria Efimova rreferew għalihom bħala provi, iġifieri d-declarations of trust, ma kienu xejn għajr dokumenti ffalsifikati.
Għaldaqstant, sostniet l-istqarrija tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru, ladarba dan il-fatt ma ġiex ikkontestat mill-familja, ifisser li jaċċettaw li xi ħadd iffalsifika d-dokumenti użati minn Daphne Caruana Galizia. Kompliet tgħid li l-familja tista’ tgħin billi tindika kinitx konxja minn dan il-fatt.
Kien innutat kif kien hemm kunsens nazzjonali u fiduċja fl-indipendenza tal-maġistrat li mexxa l-inkjesta. Inkjesta li kkonkludiet b’mod inekwivoku li l-allegazzjonijiet dwar Joseph Muscat u martu kienu foloz.
L-istqarrija tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru ttemm tgħid li mhux se tiddiskuti fuq fatti ppruvati mill-inkjesta nnifisha, imma toġġezzjona għal iktar stqarrijiet foloz intenzjonati li jkomplu dik li issa ġiet iċċertifikata bħala l-ikbar gidba fl-istorja politika Maltija.