Il-Gvern innota s-sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali li ngħatat illum fir-rigward tal-liġi dwar il-Finanzjament tal-Partiti Politiċi. Dan wara li l-Partit Nazzjonalista safa’ fil-mira ta’ akkużi li kiser id-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi b’rabta ma’ donazzjonijiet allegatament abbużivi.
Fi stqarrija l-Gvern qal li s-sentenza tal-lum kienet l-eżitu ta’ appell tal-Partit Nazzjonalista wara li l-Ewwel Qorti kienet ċaħdet it-talbiet tiegħu. Kien innutat ukoll li l-Qorti Kostituzzjonali sabet li l-fatt li l-Kummissjoni Elettorali għandha funzjoni investigattiva, ma tikser ebda dritt ta’ smigħ xieraq.
Madanakollu, il-Qorti qalet li l-Kummissjoni Elettorali m’għandhiex ikollha d-dritt li timponi multi jew tiġġudika abbażi tal-provi miġbura, għax mhix qorti. Għal din ir-raġuni, il-Gvern qal li issa se jkun qed jaħdem biex isiru l-emendi fil-liġi.
Il-Qorti Kostituzzjonali qalet ukoll li f’dan il-każ, l-ilment kien għadu fi stadju investigattiv u l-Kummissjoni kienet għadha ma xliet lil ħadd.