It-track record tal-Gvern fuq ir-riformi leġiżlattivi u favur governanza iktar b’saħħitha, iwieġeb lill-Partit Nazzjonalista. Dan qalu l-Partit Laburista fi stqarrija aktar kmieni llum, fejn qal ukoll kif l-amministrazzjoni tal-Prim Ministru Robert Abela hija l-aktar li ressqet liġijiet fil-Parlament u wettqet riformi.
Fakkar ukoll li anke skont x’iddikjara l-Prim Ministru din il-ġimgħa stess, ir-riforma kontra l-Islapp ukoll qiegħda fuq l-aġenda, għaliex azzjoni ta’ dan it-tip hi kundanabbli dejjem, issir kontra min issir.
Bħal kull riforma oħra li kienet imwiegħda, il-Partit Laburista qal li din tiġi implimentata wara diskussjoni u konsultazzjoni biex ir-riżultat ikun tajjeb.
B’hekk tingħaqad fl-għadd kbir ta’ riformi storiċi li ebda Gvern Nazzjonalista ma kellu l-viżjoni jew il-kuraġġ li jagħmel, temm jgħid il-Partit Laburista.