Il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar, Clint Camilleri, ħabbar li fil-ġimgħat li ġejjin se titwaqqaf il-kumpanija tal-Gvern, bl-isem ta’ Projects Gozo Ltd, li se tkun responsabbli mit-twettiq tal-proġetti kapitali f’Għawdex kif ukoll miż-żamma tagħhom wara li dawn jitlestew.
Fi stqarrija ngħad li, hekk kif il-Ministeru qed jimplimenta aktar proġetti ambizzjużi u kumplessi, inħasset il-ħtieġa li titwaqqaf din il-kumpanija biex jiġi assigurat li dawk skedati mhux biss jiġu implimentati, iżda ssir l-aħjar manutenzjoni tagħhom u jitmexxew fuq livell professjonali.
Fost l-akbar proġetti, li qed jitwettqu attwalment hemm dak tal-kumpless sportiv u akkwatiku u l-akbar spazju miftuħ u parkeġġ taħt l-art tal-Victoria Park fil-qalba tar-Rabat, Għawdex, u anke l-mitjar fix-Xewkija.