Fi stqarrija l-Ministeru għat-Turiżmu qal li l-Ministru għat-Turiżmu, Edward Zammit Lewis, f’laqgħa li kellu mal-Union tal-Cabin Crew (UCC) ħabbar li se jitwaqqaf kumitat min-naħa tal-Gvern b’rappreżentanza tal-Ministeru għat-Turiżmu, tal-Ministeru għall-Finanzi, kif ukoll tal-Management tal-Air Malta.
L-għan ta’ dan il-Kumitat, li se jkun ippresedut mill-President Emeritus George Abela, ser ikun li jintlaħaq ftehim mal-unions kollha tal-ħaddiema tal-linja tal-ajru dwar skemi ta’ rtirar u negozjar ta’ ftehim kollettiv ġdid għall-ħaddiema tal-Air Malta, bil-għan li jintlaħqu sal-aħħar ta’ Ġunju.
Il-Ministeru qal li dan għandu jwassal sabiex ikomplu jiġu rispettati d-drittijiet tal-ħaddiema u fl-istess ħin il-linja tal-ajru takkwista aktar flessbilità, effiċjenza u produttività li huma importanti għall-vijabilità tagħha. Dan kollu fl-ambitu ta’ dak miftiehem mal-unions tal-ħaddiema f’Awwissu li għadda.