Il-kumpanija Carravan, f’isem il-familja Stagno Navarra mhux se tkun tista’ tirreġistra numru ta’ artijiet fin-Nadur f’isimha wara li l-Gvern permezz ta’ avviż legali rrevoka r-reġistrazzjoni ta’ artijiet fuq medda kbira ta’ art fin-Nadur.
Żvelat dan il-gazzetta MaltaToday hekk kif spjegat li numru ta’ snin ilu, il-familja Stagno Navarra, li għad trid tipprova kif dawn l-artijiet huma tagħha, flimkien mal-eks Maġistrat Dennis Montebello u l-Avukat Carmel Galea ħallsu lil Arċidjoċesi Maltija €200,000, biex din titlaq il-kontroll minn fuq il-Fondazzjoni Abbazia di Sant Antonio delli Navarra.
B’dan il-ftehim mal-Arċidjoċesi, il-kontroll tal-Fondazzjoni ġie f’idejn il-kumpanija Carravan.
Issa li l-Arċidjoċesi ma għadx għandha kontroll ta’ medda ta’ art f’Għawdex, persuni li jgħixu fuq l-art inkwistjoni u bdiewa fost oħrajn, jinsabu f’riskju li jitilfu l-art li ilhom jgħixu fuqha jew jaħdmuha.
Bl-intervent mill-Gvern issa l-istess kumpanija li tikkontrolla l-Abbazia ma tistax tirreġistra dawn l-artijiet f’isimha.
Dan l-avviż legali xorta jista’ jiġi kkontestat mill-istess familja fil-Qrati Maltin. Ftit tal-ġimgħat ilu numru ta’ persuni marru jipprotestaw quddiem il-Kurja tal-Arċisqof u talbuh jirtira d-deċiżjoni li jirrinunzja kontroll fuq artijiet f’Għawdex li jistgħu jiġu żviluppati u li jħalli familji b’ta’ fuqhom senduqhom.