Filwaqt li ħa nota tal-istqarrija maħruġa mill-Oppożizzjoni, il-Gvern irriafferma l-impenn tiegħu li jkompli jsegwi l-każ marbut mal-proċess tal-estradizzjoni ta’ Daniel Joseph Meli, kif ikkomunikat permezz ta’ stqarrija oħra maħruġa din il-ġimgħa.
Fil-fatt, din l-istess pożizzjoni f’każ fejn iż-żagħżugħ Malti qed jiġi mfittex fl-Istati Uniti tal-Amerka fuq akkużi ta’ bejgħ ta’ malware għall-hacking, diġà ġiet ikkomunikata personalment lill-qraba tal-imputat.
Il-Gvern appella lill-Oppożizzjoni biex tapprezza l-kumplessità legali tas-sitwazzjoni, il-parametri legali ta’ trattat ffirmat fl-2006 u l-aċċettazzjoni volontarja bl-assistenza ta’ avukat.
Stqarrija tal-Gvern qalet ukoll kif qed jevalwa kull mezz fil-parametri legali u oħrajn biex min kiser il-liġi f’Malta jiffaċċja l-ġustizzja f’Malta, filwaqt li se jkun qed jassigura salvagwardji aktar b’saħħithom fil-proċedura fejn persuna tagħti volontarjament il-kunsens tagħha għall-estradizzjoni.