Tnediet reġistrazzjoni għal Maltin li jgħixu barra minn Malta.
Ħabbar dan il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ permezz ta’ stqarrija fejn ingħad li huwa stmat li fid-dinja hawn qrib il-miljun persuna Maltija, jew ta’ dixxendenza Maltija, li jgħixu fil-ħames kontinenti.
Permezz ta’ din ir-reġistrazzjon volontarja bl-isem ‘Persuni ta’ Valur – Nagħtu valur lill-ħidma tagħna flimkien’, il-Gvern Malti jixtieq ikabbar il-konnettività tiegħu mal-Maltin kollha li jgħixu barra minn pajjiżna.
Dan isir permezz ta’ kollaborazzjoni mal-Gvern Malti f’ħidmiet varji li jkunu qed isiru għat-tisħiħ ta’ Malta b’mod globali.
Matul is-snin, ħidmet il-Maltin barra minn xtutna irriflettiet l-għaqal, il-bżulija u s-sens ta’ integrazzjoni li l-Maltin dejjem ħaddnu matul iż-żmien.
Għalhekk, professjonisti, ħaddiema tal-id, negozjanti, sportivi, artisti u missjunarji, fost l-oħrajn, huma mħeġġa jirreġistraw id-dettalji tagħhom mal-ministeru billi jaċċessaw il-formola onlajn fuq https://foreign.gov.mt/formv.