L-investigazzjoni tal-awtoritajiet Maltin b’rabta ma’ Swiss Leaks waslet biex il-Gvern irkupra flejjes. L-ammont irkuprat kien infurmat bih il-Ministru tal-Finanzi, Edward Scicluna.
Għalkemm ma tax dettalji fil-kumitat, kollox jindika li dan ilaħħaq miljuni ta’ ewro. Il-Ministru tal-Finanzi ta dettalji dwar dan quddiem il-Kumitat Ekonomiku u tal-Affarijiet Monetarji tal-Parlament Ewropew fejn qed jippreżenta l-prijoritajiet tal-Presidenza Maltija.
Fid-dawl li l-Presidenza Maltija għandha fuq l-aġenda tagħha kwistjonijiet marbutin ma’ iktar trasparenza u dixxiplina finanzjarja ma naqsux domandi dwar l-istess Swiss Leaks u l-Panama Papers. Dwar din tal-aħħar, il-Ministru tal-Finanzi qal li għad hemm investigazzjonijiet għaddejin.
Anke jekk qiegħed hemm bħala President ta’ Kunsill tal-Unjoni Ewropea, il-Ministru tal-Finanzi ma ddejjaq xejn iwieġeb mistoqsijiet marbutin ukoll ma’ Malta u s-sistemi ta’ tassazzjoni f’Malta.
Iddefenda wkoll is-sistema ta’ tassazzjoni f’Malta u saħaq li din hija konformi mar-regoli tal-Unjoni Ewropea tant li kienet skrutinizzata qabel is-sħubija ta’ pajjiżna.