Il-Gvern jrid li l-mekkaniżmu preżenti tal-kumpens għall-għoli tal-ħajja u l-validità tiegħu jiġu diskussi fil-laqgħa li jmiss tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali, l-MCESD.
Ħabbar dan il-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Carmelo Abela, l-Erbgħa filgħodu fil-Parlament meta kien qed iwieġeb domanda supplimentari.
Fil-fatt il-Ministru Abela tenna li dan qed isir sabiex il-Gvern iżomm mal-wegħda tiegħu tal-Budget għall-2022, hekk kif il-Ministru għall-Finanzi kien tenna li l-mekkaniżmu għall-kumpens għall-għoli taħjja għandu jiġi aġġornat u joffri l-ogħla kumpens lil min hu l-aktar milqut.
Il-Ministru għad-Djalogu Soċjali spjega wkoll kif il-mekkaniżmu kurrenti ilu maqbul mill-imsieħba soċjali u l-unjins sa mis-snin disgħin u sabiex dan jiġu rivedut dan għandu jkun diskuss mill-aktar fis.
Qal, “Id-diskussjoni li jiena nixtieq li tibda kemm jista’ jkun malajr, jekk jista’ jkun anke mil-laqgħa li jmiss tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali biex nisimgħu ftit u anke l-isħab soċjali għall-inqas l-ewwel reazzjoni għal dak li ġie mħabbar.”
Intant il-Ministru Carmelo Abela tkellem dwar il-mekkaniżmu tal-għoli tal-ħajja għall-familji vulnerabbli li wkoll kien inkluż fil-Budget għall-2022.
Hawnhekk il-Ministru tenna li dawn id-diskussjonijiet għandhom jseħħu fi ħdan l-MCESD.
Spjega, “Iva nħoss li anke fil-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali rridu nagħmlu din l-analiżi u diskussjoni sabiex familji vulnerabbli speċjalment jekk għandhom xi ħadd li qed jaħdem din ukoll tkun diskussa biex naraw il-kejl u x’mekkaniżmu jista’ jintuża minħabba l-għoli tal-ħajja.”