“Il-Gvern hu interessat li l-Parlament ikun tassew għodda fit-tisħiħ tas-sistemi u l-liġijiet ta’ pajjiżna.”
Dan intqal mid-Deputat Prim Ministru Chris Fearne, li huwa l-Leader of the House, f’ittra lill-Ispeaker tal-Parlament Anġlu Farrugia.
Fearne bagħat din l-ittra wara li l-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech qal li jrid li jitlaqqa’ l-Parlament, wara li bagħat ittra mimlija allegazzjonijiet mingħajr bażi u li tinjora l-iktar fatti bażiċi.
Id-Deputat Prim Ministru sostna li l-Gvern irid diskussjoni sħiħa fil-Parlament u allura jrid li dan ir-rapport jiddiskutih fl-istrutturi Parlamentari, biex il-Parlament ukoll ikollu rwol fit-tisħiħ ta’ dan il-proċess.
Intqal li din id-diskussjoni għadha ssir mal-mument li jkun lest ir-rapport tal-Bord, li se jkun ippubblikat minnufih u mqiegħed fuq il-mejda tal-kamra.
Fearne nnota li anki l-kelliem tal-Oppożizzjoni dwar il-politika soċjali tkellem dwar l-importanza tal-involviment Parlamentari f’dan il-proċess fi stqarrija. Fil-fatt, innota li t-talba ta’ Bernard Grech tikkontrasta saħansitra l-kollega Parlamentari tiegħu.
Iktar minn hekk, kuntrarju ta’ dak li qal il-Kap tal-Oppożizzjoni, il-fatti jixhdu li kien l-Uffiċċju tal-Prim Ministru stess, li meta kien hemm xamma ta’ allegat abbuż, dan ġie referut mill-ewwel lill-Pulizija.
Intqal li hija ironika li l-ittra nkitbet minn Kap tal-Oppożizzjoni li meta madwaru kellu akkużi mill-iktar serji, baqa’ ċass.