Il-Gvern irċieva mat-300 sottomissjoni b’rabta mal-Malta Labour Migration Policy.
Dan intqal mill-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela, waqt żjara li għamel fil-lukanda Westin Dragonara Resort f’San Ġiljan.
Il-Ħadd intemmet il-konsultazzjoni pubblika b’rabta ma’ din il-politika importanti tal-Gvern.
Dwar dan il-Prim Ministru Robert Abela fakkar kif qabel l-2013, il-qgħad kien problema ewlenija, b’iktar minn 7,000 persuna jfittxu x-xogħol.
Spjega kif il-Gvern ħoloq l-opportunitajiet fis-suq tax-xogħol, b’ekonomija li trendi, tant li l-pajjiż għandu ħafna xogħol
“Nirrikonoxxu li kellek sitwazzjoni fejn l-Għawdxin u l-Maltin kienu qed jitolbu aktar kontrolli tal-awtoritajiet fuq il-ħaddiema barranin li jiġu ġewwa pajjiżna. Kien għalhekk li nidejna l-Labour Migration Policy – l-ewwel politika tax-xorta tagħha li qatt kellna f’pajjiżna, li issa se nkunu qed inżewġuha wkoll mal-Malta Vision 2050.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Il-Prim Ministru Robert Abela qal li din il-politika se tindirizza d-dinjità tal-ħaddiema għax il-Gvern, bi prinċipji soċjalisti, irid jiżgura li kull ħaddiem Malti jew barrani jkun trattat b’kundizzjonijiet xierqa.
Fakkar kif din il-politika se tara li jintlaħaq bilanċ bejn l-interessi tal-Maltin u l-Għawdxin, li s-suq tax-xogħol ikun moqdi mingħajr il-bżonn ta’ iktar ħaddiema milli meħtieġ u li min iħaddem ikollu biżżejjed ħaddiema u jibża’ għalihom.
“Ma jfissirx li mhux se jiġu aktar ħaddiema barranin, jiġifieri għal dawk in-negozji li qed jibżgħu li mhux se jkollhom b’min jistgħu jaħdmu, dik hija biżgħa infondata li hemm min qed jipprova, jxerred. Daqstant ieħor jidħol fis-suq tax-xogħol biss dak li l-ekonomija tagħna teħtieġhom. Insemmi s-settur tas-saħħa, is-settur tal-ospitalità, is-settur tal-kura tal-anzjani tagħna, is-settur ta’ kura ta’ persuni li għandhom diżabilità. Però fejn hemm setturi li kien hemm wisq ħaddiema barranin, insemmi dak tal-food couriers, dak tal-Y-plates, li diġà indirizzajna, hemmhekk kien wasal li nagħmlu l-kontrolli. Nagħmlu l-limitazzjonijiet li huma meħtieġa, fl-aħħar mill-aħħar niddeskrivi din il-politika bil-kelma “bilanċ”.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Il-Prim Ministru qal li wara li ntemm il-proċess ta’ konsultazzjoni, se tidħol fis-seħħ it-tieni fażi tal-Malta Labour Migration Policy, li se tara li dak propost jiġi implimentat.